TOP


GWU

 

Ħaddiema b’saħħithom biex l-ekonomija tkun aktar b’saħħitha



18122017

Ħaddiema b’saħħithom biex l-ekonomija tkun aktar b’saħħitha

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia insista dwar il-bżonn li jiġu spjegati aktar ir-responsabbiltajiet u l-proċeduri tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol taffettwa l-produttività, speċjalment meta jkun hemm involuti ħaddiema ta’ ċerta età. Għaldaqstant, jekk jiżdiedu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inkunu qed naraw li ħafna nies ma jirtirawx qabel iż-żmien.

Dr Farrugia qal ukoll li dan il-proġett li qed jiġi mħabbar b’valur ta’ 165 elf ewro, għandu jwassal biex 180 individwu jingħataw taħriġ. Aaron Farrugia spjega wkoll li permezz ta’ dan il-proġett se ssir riċerka dwar l-istat ta’ implimentazzjoni fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà f’Malta. Apparti minn hekk, tenna li se jkun hemm eżerċizzju bl-involviment ta’ kampanja biex jiżdied it-tagħrif dwar is-saħħa u s-sigurtà permezz ta’ reklami fuq it-televiżjoni, il-media soċjali, ir-radju u anke l-gazzetti. 

Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda li jeħtieġ ikun hemm ħaddiema b’saħħithom biex l-ekonomija tkun b’saħħitha. Dan il-proġett qed jara li jkun hawn aktar tagħrif f’dan ir-rigward.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja żied li għall-unions is-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema huma prijorità. “Għaldaqstant il-GWU u l-UĦM ingħaqdu biex ifasslu proġett dwar dan il-qasam. Dan il-proġett, Unions for Health and Safety, li qed jiġi ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, qed jippromwovi u jżid l-għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol kif ukoll isaħħaħ lill-ħaddiema u lil min iħaddem dwar kif jimplimentawpolicies f’dan il-qasam b’mod effettiv”, spjega s-Sur Bugeja. 

Jesmond Bonello, Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers min-naħa tiegħu saħaq li hu tajjeb li jintbagħat messaġġ lil hinn mill-kompetizzjoni fost il-unions. Fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol iż-żewġ unions qed jaħdmu flimkien u jużaw ir-riżorsi kollha biex ikun hemm aktar għajnuna lill-ħaddiema għax dawn huma prijorità. Is-Sur Bonello qal li, “hemm bżonn li nsaħħu l-għarfien, permezz tax-shop stewards, dwar minn xiex jgħaddi l-ħaddiem u kif dawn jevitaw korriment fuq il-post tax-xogħol. Jesmond Bonello kompla li sal-lum mhux qed nagħtu prijorità lil każijiet bħal stress at work u health issues fosthom il-kanċer li hu kkawżat mill-postijiet tax-xogħol. “Għaldaqstant jeħtieġ ukoll li naraw, permezz tar-riċerka, jekk il-liġijiet humiex adattati. Sfortunatament hemm affarijiet li huma lil hinn mil-liġi. Tajjeb ngħidu li d-dinja tax-xogħol inbidlet u saret aktar produttiva u l-għaġġla qed iġġib magħha nuqqas ta’ attenzjoni u nuqqas ta’ prijoritajiet u din tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ kampanja ta’ awareness”, ikkonkluda Bonello.

Apparti l-General Workers’ Union u l-UĦM, l-imsieħba f’dan il-proġett huma l-Knisja f’Malta, l-OHSA, l-MEA, is-CMTU u l-ForUM.