TOP


GWU

 

Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ CassarCamilleri Ltd



09122017

Il-General Workers’ Union ifirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ CassarCamilleri Ltd, liema ftehim se jkun qed itejjeb il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-istess ħaddiema. Il-ftehim kollettiv kien iffirmat bejn iż-żewġ naħat wara li l-ħaddiema fil-jiem li għaddew approvaw b’maġġoranza l-proposti diskussi u maqbula.

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat qal li dan il-ftehim kollettiv ġie fi żmien meta l-industrija qed tiffaċċja sfidi ta’ kompetizzjoni mis-swieq barranin kif ukoll minħabba diffikultajiet fil-qasam agrikolu lokali: “Biss il-management għaraf l-impenn tal-ħaddiema li għenu biex l-kumpanija tkompli bil-ħidma tagħha u tgħeleb dawn l-istess sfidi.” Huwa semma li dan il-ftehim kollettiv huwa l-ewwel wieħed iffirmat wara l-amalgamazzjoni bejn Marsovin u Master Group.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Jeremy Cassar qal li: “Il-ftehim filwaqt li jirrikonoxxi l-ħidma mqwettqa mill-ħaddiema huwa wkoll inċentiv b’saħħtu biex il-ħaddiema jkomplu jagħtu sehmhom biex il-kumpanija tkompli tissaħħaħ u tespandi l-ħidma tagħha. Huwa awgura li permezz ta’ dan l-iffirmar il-kumpanija u l-GWU jkomplu jsaħħu wkoll il-kollaborazzjoni ta’ bejniethom.”
L-iffirmar tal-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema sarmis-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat, mix-Shop Steward Raymond Micallef u mill-Assistent Shop Steward Andrea Pace. F’isem il-kumpanija ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Jeremy Cassar u il-Kap tal-Operazzjonijiet Louie Camilleri