TOP


GWU

 

Manuvri u intriċċi fil-Wasteserv



26112017

Manuvri u intriċċi fil-Wasteserv

L-arroganza u l-abbuż fil-kumpanija Wasteserv jidher li qed jaqbżu kull livell immaġinabbli. Is-sitwazzjoni tant iddeġenerat li llum għandek uffiċjali tal-kumpanija li jistqarru fil-miftuħ li ħadd ma jista’ għalihom u jgħidu li l-anqas il-ministru ma jista’ jagħmel xejn.

Din is-sitwazzjoni waslet f’punt li l-ħaddiema qed jiffaċċjaw tnaqqir fil-kundizzjonijonijiet tax-xogħol speċjalment fejn tidħol id-dixxiplina u terminazzjonij tal-impjiegi. 

Ħaddiema li tkellmu magħna stqarrew li jinsabu diżgustati bl-attitudni ta’ ċerti individwi li qed jippretendu li ħadd ma jista’ għalihom. Qalulna li hemm uffiċjali fil-Wasteserv li minkejja li suppost ikunu qed jaħdmu s-sahra dawn jidħlu, jippanċjaw u jitilqu b’mod immedjat ’l barra u ħadd ma’ jgħidilhom xejn. Agħar minn hekk wħud minnhom għandhom l-ardir li jagħmlu ħajjet il-ħaddiema miżerja u bi kburija jgħiulek li l-anqas il-ministru ma jagħmlilhom xejn ‘għax dak ma jazzardax’. 

Dawn il-ħaddiema li tkellmu magħna qalulna li l-agħar sitwazzjoni li qed isseħħ bħalissa hija li wara li fl-aħħar xhur iddaħħlu jaħdmu mal-Wasteserv għadd ta’ ħaddiema, minn żmien għal żmien numru minn dawn il-ħaddiema qed jisfgħu imkeċċija jumejn biss qabel tgħaddi l-probation. Skont il-liġi ġaladarba tul iż-żmien ta’ prova (probation) ħaddiem jaqbeż ġimgħa xogħol, kemm jekk jiddeċiedi li jitlaq u ma jkomplix mal-kumpanija u kemm jekk il-kumpanija trid titterminalu xogħlu, irid ikun hemm avviż ta’ ġimgħa. “Fil-Wastserve mhux qed jiġri hekk. Il-ħaddiema qed jissejħu biss jumejn qabel ma tgħaddilhom l-probation, u jkunu infurmati li l-impjieg tagħhom intemm. Dan ifisser li t-terminazzjoni qed issir mhux skont il-liġi.”

Mistoqsija jekk hijiex tingħata r-raġuni għal dawn it-tkeċċijiet, is-sorsi tagħna qalulna li raġuni mhijiex tingħata biss, allegatament, is-susspett huwa li r-raġuni hija waħda politika fejn il-ħaddiema mkeċċija għandhom il-fehma tal-gvern tal-ġurnata!

Il-ħaddiema komplew jjgħidulna li bħal donnu qed isir minn kollox biex il-ħaddiema jaqtgħu qalbhom u jitilqu: “Iddaħħlet bħal klima ta’ telqa. Kulħadd qed iħossha. U l-ewwel fatti bdew jidhru meta kien hemm tnaqqis l-għoti tal-uniformijiet u affarijiet bażiċi tas-saħħa u sigurtà.”

Mistoqsija jekk kienx hemm xi reazzjoni mit-tmexxija tal-kumpanija kontra l-aġir ta’ dawn l-uffiċjali, il-ħaddiema b’dispjaċir nnutaw li t-tmexxija mhi tagħmel xejn, anzi allegaw li kollox jidher li l-uffiċjali inferjuri għandhom aktar saħħa. Qalulna biss li s’issa dejjem kienet il-General Workers’ Union li tkellmet kontra dan l-abbuż: “Fil-GWU dejjem sibna s-sostenn meħtieġ. Fil-fatt kienet hi li tkellmet kontra l-mod kif qed issir d-dixxiplina fil-Wasteserv, fejn ħaddiema jiġu akkużati u kkundannati mingħajr ma jingħataw smiegħ xieraq u l-opportunità li jiddefendu ruħhom! U kienet hi li tkellemt kontra t-terminazzjonijiet inġusti tal-impjieg.”

Dawn l-istess ħaddiema stqarrew li tant jidher li hemm min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid li anke fl-għoti tal-promozzjonijiet hemm l-abbuż, tant li allegatament dawn qed jingħataw b’mod dirett mingħajr ma ssir sejħa interna, kif ukoll jiġu promossi persuni li l-anqas biss għandhom il-kwalifiċi jew il-kapaċitajiet meħtieġa. 

Fl-aħħar mill-aħħar il-ħaddiema qalu li l-atteġġjament ta’ dawn l-uffiċjal qed jaffetwa anke l-operat tal-istess kumpanija Wasteserve, fejn allegatament anke qed ikun imxekkel l-immaniġġar tal-iskart innifsu. It-tama tal-ħaddiema hija li tittieħed azzjoni u l-Wasteserv ma tibqax qisha xi fewdu politiku ta’ xi uffiċjali tal-kumpanija.