TOP


GWU

 

Ftehim kollettiv ġdid għall-inġiniera u tekniċi tal-Medavia



24112017

Il-General Workers’ Union fil-jiem li għaddew iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-inġiniera u tekniċi tal-kumpanija MedAvia, li huma fil-grad ta’ ‘certifying staff’. Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv il-ħaddiema se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet u benefiċċji, kif ukoll minn struttura ta’ pagi adattata għaż-żminijiet tal-lum.

Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU Sandro Vella qal li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv qed jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa mill-ħaddiema ta’ din il-kumpanija anke meta ż-żminijiet kienu diffiċli. Filwaqt li rringrazzja lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għas-sehem tagħhom f’dawn in-negozjati, Vella stqarr li l-mod kif saru n-negozjati bejn il-GWU u l-management tal-kumpanija jawgura tajjeb għar-relazzjonijiet futuri u rispett bejn iż-żewġ naħat. Huwa rringrazzja wkoll lill-membri tal-kumitat tal-ħaddiema Christian Bonnici u lil Joseph Bajada għax-xogħol li wettqu biex jintlaħaq dan il-ftehim kollettiv. 
Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Sandro Vella u mir-rappreżentant David Abela. F’isem il-kumpanija ffirmaw id-Direttur Maniġerjali Rammah B. Ettir, il-Kap Finanzjarju Mario Magro u l-Kap tar-Riżorsi Umani u l-Komunikazzjoni Korporattiva Ivan Refalo.