TOP


GWU

 

Atteġġament diskriminatorju u abbużiv fil-Wasteserv



18112017

Il-General Workers’ Union tikkundanna bil-qawwa kollha l-atteġġament diskriminatorju u abbużiv li qed iseħħ minn diversi uffiċjali u membri fl-amministrazzjoni tal-Wasteserv. Dan l-atteġġament qed iseħħ f’dawk li għandhom x’jaqsmu proċeduri ta’ dixxiplina u tqassim tax-xogħol. Il-GWU tistqarr li f’diversi perjodi resqet l-ilmenti tagħha lill-awtoritajiet konċernati iżda qed jitkaxxkru is-saqajn biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa ħalli dan l-aġir jitwaqqaf.

Tul dawn l-aħħar żminijiet kien hemm diversi każi fejn ittieħdu azzjonijiet ta’ dixxiplina fil-konfront tal-ħaddiema tal-Wastserv mingħajr ma kien hemm osservanza tal-proċeduri standard preżenti li jirregolaw u jistipolaw kif dawn l-azzjonijiet għandhom jipproċedu. Eżempju ta’ dan huwa l-mod kif qed jinħarġu t-twissijiet lill-ħaddiema. Il-Union tagħmilha ċara li mhuwiex aktar aċċettabbli li ħaddiem jingħata twissija u jsofri piena mingħajr ma jingħata ż-żmien li jwieġeb għall-akkużi u jiddefeni ruħu. Agħar minhekk huwa l-fatt li dawn it-twissijiet mhumiex jinħarġu b’mod objettiv u razzjonali, kif ukoll mingħajr l-involviment tad-dipartment tar-riżorsi umani.

F’dak li għandu x’jaqsam tqassim ta’ xogħol dan qed isir b’mod disrkiriminatorju fejn jeżistu każi fejn numru ta’ ħaddiema jkunu aġevolati f’dak li huwa mistenni minnhom filwaqt li oħrajn jingħataw volum ta’ xogħol li ma jkunx ġustifikat. Kif ukoll ħaddiema fil-gradi ta’ superviżjoni u head of shifts qed ikunu privileġġjati fl-għoti tas-sahra, hekk kif għandhom il-libertà kollha biex jaħdmu kemm iridu anke fi gradi inferjuri u għaldaqstant ma jagħtux l-opportunità lis-subordinati tagħhom biex ikunu eleġibli għas-sahra bħalhom. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat qal li dan l-atteġġament diskriminatorju u abbużiv qed jitwettaq fil-livelli kollha ta’ superviżjoni, head of shifts u tal-management speċjalment minn supervisor partikulari ġewwa l-faċilità tal-Magħtab. Muscat saħaq li minkejja li l-Union ġibdet l-attenzjoni tat-tmexxija tal-Wasteserv dwar dak li qed isir, baqa’ ma sar xejn u għaldaqstant il-konklużjoni hija li dan l-atteġġament allegatament huwa bbażat fuq raġunijiet politiċi jew marbut ma’ affiljazzjoni ta’ trade unjin. Għaldaqstant jekk l-affarijiet mhumiex se jitranġaw fi żmien qasir il-GWU se jkollha tieħu dawk l-azzjonijiet kollha permessi mil-liġi biex tiddefendi l-interessi tal-imsieħba u l-ħaddiema tal-Wasteserv.