TOP


GWU

 

Il-GWU sodisfatta bir-riforma tad-direttiva tal-ippustjar ta’ ħaddiema



02112017

Il-General Workers’ Union hija sodisfatta li l-ħidma mwettqa minnha flimkien mal-għaqdiet tal-ħaddiema Ewropej, fi ħdan il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejd Unjins (ETUC) fl-aħħar tat il-frott mixtieq hekk kif il-Kumitat dwar l-Impjiegi tal-Parlament Ewropew aċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri għall-impjiegi u Affarijiet Soċjali li ddeċieda li jirriforma d-direttiva għall-Ippustjar ta’ Ħaddiema. Ir-riformi li se jseħħu f’din id-direttiva se jkunu qed jagħtu protezzjoni aħjar lill-ħaddiema li jintbagħtu jagħmlu xogħol f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Il-GWU b’kuraġġ tħares ’il quddiem biex dawn ir-riformi jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun bil-għan li l-ħaddiema jibdew igawdu mill-istess kundizzjonijiet tal-pajjiż fejn ikunu qed jagħtu servizz. Il-GWU tgħid li b’mod partikolari din id-direttiva se tgħin lill-ħaddiema mill-pajjiżi fejn għandhom livell ta’ ħajja u pagi baxxi li jintbagħtu jaħdmu għal perjodu ta’ żmien f’pajjiżi fejn il-livell tal-ħajja hu għoli. Sal-lum dawn il-ħaddiema kienu jitħallsu pagi skont il-pagi li kellhom fil-pajjiż ta’ oriġini. Dan kien qed iservi biex iseħħ dak li hu magħruf bħala ‘social dumping’ fis-suq intern Ewropew, b’konsegwenza li jkunu imminati l-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema tal-lokal. Ir-riformi għal daqstant se jkunu qed joffru protezzjoni u drittijiet aħjar għal dawk il-ħaddiema li f’pajjiżhom kellhom kundizzjonijiet u pagi inferjuri meta jiġu ppustjati.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jistqarr li l-pressjoni li għamlu l-għaqdiet tal-ħaddiema se jwasslu biex din ir-riforma tnaqqas il-perjodu ta’ kemm ħaddiem jista’ jintabgħat jaħdem f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, minn 24 xahar għal 12-il xahar; l-estenzjjoni massima fuq dan iż-żmien hija biss ta’ sitt xhur u kif ukoll li l-ħaddiema ppustjati f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea jkunu koperti bi ftehim kollettiv u jkun ukoll applikat il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-xogħol tal-istess valur. Buġeja iżda jinnota b’dispjaċir li minkejja li d-diskussjonijiet dwar dawn ir-riformi kienu ilhom għaddejjin mhux ħażin, il-ftehim milħuq għalissa qed jeskludi lil ħaddiema fil-qasam tat-trasport fuq l-art.