TOP


GWU

 

Il-GWU u JF Services Ltd jiffirmaw ftehim kollettiv ġdid



28102017

Il-General Workers’ Union u l-kumpanija JF Services Ltd għadhom kemm iffirmaw ftehim kollettiv għall-ħaddiema fis-settur tat-tindif ta’ din il-kumpanija, liema ftehim kollettiv se jkun qed itejjeb il-kundizzjonijiet tal-impjieg. Dan kien l-ewwel ftehim kollettiv għal dan is-settur iffirmat bejn iż-żewġ naħat. Grazzi għal dan il-ftehim kienu wkoll stabbiliti proċeduri ċari f’dawk li għandhom x’jaqsmu kodiċi ta’ dixxiplina. Dan il-ftehim ikopri perjodu ta’ tliet snin minn Jannar 2017 sa Diċembru 2019.

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat qal li dan il-ftehim huwa wieħed importanti ħafna minħabba li wassal biex jinkisbu kundizzjonijiet għola milli provdut mil-liġi. Stqarr li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv huwa xhieda tal-ħidma li saret mill-GWU u r-relazzjoni tajba li inbniet bejnha u l-JF Services Ltd, speċjalment għall-fatt li f’dan is-settur teżisti kompetizzjoni qawwija f’dak li huwa out-sourcing.
Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li l-kumpanija qed tagħraf li huwa ta’ vantaġġ u benefiċċju għaż-żewġ naħat li jkun hemm ftehim kollettiv għaliex b’kundizzjonijiet aħjar il-kumpanija tista’ ttejjeb is-servizz li qed tagħti lill-klijenti tagħha. Saħaq li huwa jemmen li l-koperazzjoni bejn il-GWU u l-kumpanija JF Services Ltd se tkompli tissaħħaħ fil-futur qrib. 
Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat u mir-rappreżentant tat-Taqsima Luke Mifsud. F’isem il-kumpanija iffirmaw id-Direttur Maniġerjali Matthew Formosa, il-Manager tar-Riżorsi Umani Carina Azzopardi u d-Direttur Peter Formosa.