TOP


GWU

 

Opportunità storika mitlufa



23102017

Il-General Workers’ Union sa mill-bidu tal-ħidma tagħha dejjem kienet favur l-għaqda nazzjonali. Għal daqstant il-GWU b’mod qawwi u bla riżerva tikkundanna l-mod li bih dimostrazzjoni li kellha l-għan li tgħaqqad is-soċjetà ċivili ddawret fi protesta politika partiġġana. 

Il-GWU laqgħet l-istedina li saritilha biex tattendi għal din id-dimostrazzjoni għaliex fehmet li f’dan il-mument il-pajjiż għandu jwarrab il-firdiet politiċi u soċjali tiegħu u jiġi flimkien biex jgħid li mhux se jaċċetta aktar azzjonijiet kontra l-libertà tal-kelma bħal ma sar ġimgħa ilu. 
B’indinjazzjoni l-GWU tinnota li minkejja l-assigurazzjonijiet kollha li ngħataw, minkejja l-preżenza tal-partiti kollha, organizzazzjonijiet politiċi oħra, għaqdiet mhux governattivi, u fuq kollox tal-President ta’ Malta – li hija l-istituzzjoni ewlenija garanti tal-għaqda nazzjonali – id-dimostrazzjoni nbidlet f’attakk politiku. Dan seħħ b’turija ta’ nuqqas ta’ rispett lejn dawk li b’mod ġenwin aċċettaw l-istedina u kienu preżenti għad-dimostrazzjoni għax jemmnu fl-għaqda nazzjonali. 
Il-GWU tħoss li din kienet opportunità oħra mitlufa għall-pajjiżna u l-poplu Malti biex ningħaqdu. Il-GWU qatt ma żammet lura milli attivament taħdem biex il-pajjiż jingħaqad. Matul is-snin ta’ ħidma tagħha kienet protagonista biex ġġib flimkien il-partijiet tas-soċjetà ħalli lkoll naħdmu għall-ġid ta’ pajjiżna. Dak li seħħ ilbieraħ kien diżrispett gravi lejn dawk kollha li jemmnu li l-għaqda bejnietna hija aktar importanti mill-politika partiġġana.