TOP


GWU

 

Il-GWU f’diskussjoni mas-Segretarju Permanenti Prinċipali dwar il-ħaddiema tal-Fondi Ewropej



10102017

Il-General Workers’ Union tinsab f’diskussjoni mas-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar biex tinstab soluzzjoni għat-tilwima industrijali dwar kuntratt ta’ xogħol definit lil grupp ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq fondi Ewropej. It-tilwima inqalgħet wara li ħaddiema oħra tas-servizz pubbliku kellhom il-kuntratti definiti tagħhom konvertiti f’kuntratti indefiniti, skont kif indikat fil-bidu tas-sena mill-proċeduri ġodda tas-servizz pubbliku, iżda l-ħaddiema fuq Fondi Ewropej ġew eżentati minn din il-bidla.

Il-GWU tirrikonoxxi l-impenn li qed juri s-Sur Cutajar speċjalment biex jitneħħew l-ostakkli mwettqa minn elementi fit-tmexxija maniġerjali, li kienu qed iwasslu biex l-ħaddiema tal-Fondi Ewropej isofru minn inġustizzja. Il-GWU dejjem għamlitha ċara li wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn ħaddiema li fis-servizz pubbliku li jiġu ingaġġati fuq kuntratti definiti biex imexxu proġetti għall-perjodu stabbilit, u dawk il-ħadiema tas-servizz pubbliku li sena wara l-oħra jimpenjaw ruħhom biex iħaddmu s-sistema ta’ tqassim ta’ fondi, kontabilità tal-proġetti kif ukoll li l-imsemmija proġetti jitlestew fil-ħin. Dawn il-ħaddiema għal daqstant ma jistgħux jitqiesu li qed jaħdmu fuq pertjodu definit iżda, ix-xogħol tagħhom huwa rikorrenti għaliex huwa marbut mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant wieħed jistenna li l-impjieg tagħhom mas-servizz pubbliku jkun wieħed indefinit.
Il-GWU ttenni li t-tilwima industrijali għadha għaddejja, u għaldaqstant tħeġġeġ biex tinstab soluzzjoni malajr. Fl-istess waqt il-Union tirringrazzja lis-Segretarju Permanenti Prinċipali tal-impenn dirett tiegħu.