TOP


GWU

 

Baġit 2018: il-ħaddiema jgawdu mis-suċċess ekonomiku



09102017

Il-ħidma konsistenti u kontinwa tal-General Workers’ Union biex tissewwa inġustizzja li saret ma’ eluf ta’ ħaddiema, fl-aħħar tat il-frott tagħha. Dan billi fil-Baġit 2018 tħabbar li minn Jannar li ġej il-ħaddiema se jingħataw ġurnata liv addizzjonali għall-festa li tiġi fi tmiem il-ġimgħa. Filwaqt li hija sodisfatta li fl-aħħar, wara tnax-il sena, ingħatat raġun fl-argumenti tagħha il-GWU tħeġġeġ lill-Gvern ħalli fis-snin li ġejjin ikompli bil-proċess biex il-festi kollha li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa jiżdiedu ġranet mal-liv.

Il-Union ma waqfet qatt tiġġieled biex tissewwa din l-ingustizzja li kienet twettqet minn Gvern Nazzjonalista fis-sena 2005, tant li dakinhar ukoll il-GWU kienet ressqet u rebħet il-każ quddiem l-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO).
Il-GWU tqis dan il-baġit bħala wieħed li qed jaqsam il-ġid maħluq mis-suċċess ekonomiku mal-ħaddiema u ċ-ċittadini, tant li ma tefa’ ebda piż ġdid f’taxxi fuq il-familji Maltin. Huwa wkoll baġit li qed jirrikonoxxi li l-ġustizzja soċjali trid timxi id f’id mat-tkabbir tal-ekonomija bil-għan li ħadd ma jibqa’ lura.
Huwa ta’ sodisfazzjon wkoll il-fatt li f’dan il-baġit, għal darb’oħra l-Gvern reġa’ ta piż għall-proposti mressqa fil-ġimgħat li għaddew mill-General Workers’ Union, għaliex għaraf li dawn il-proposti huma maħsuba biex kulħadd jibbenefika minn titjib fil-livell ta’ għajxien tiegħu.
B’mod partikolari, il-GWU tilqa’ l-aħbar li l-Gvern wera l-kuraġġ u determinazzjoni li jindirizza l-problema tal-kirjiet. Dan billi se jirregolarizza l-mod kif isiru l-kirjiet u jdaħħal iktar kontabilità u sigurtà f’dan il-qasam. Il-miżuri mħabbra, flimkien ma’ konsultazzjoni pubblika, qed tagħti indikazzjoni li l-Gvern se jħares l-interessi tal-ġenerazzjoni preżenti u tal-ġejjieni biex jiggarantilhom kundizzjonijiet ġusti għall-kirjiet tal-post fejn jgħixu. Dan fl-istess waqt li se jkompli jinċentiva lil min jixtri l-ewwel jew it-tieni dar tiegħu.
Minbarra dan, fost miżuri oħra, il-Baġit inkluda wkoll proposta oħra li ressqet il-GWU biex jiżdiedu l-pensjonijiet kollha, kontributorji u mhux. Inkluż il-pensjoni massima li ilha ma tiżdied għal diversi snin, ħlief biż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Fost proposti oħra tal-GWU aċċettati mill-Gvern bi pjaċir nistgħu nsemmu l-aġġornar tal-liġijiet kollha tax-xogħol, tnedija tal-istrateġija nazzjonali dwar l-integrazzjoni, investiment fl-infrastruttura u fl-industrija tal-manifattura, żieda u tisħiħ tal-in-work benefits, żieda fit-tapering tal-benefiċċji għal min jirritorna fid-dinja tax-xogħol, għajnuna lil min jaddotta, żieda fl-allowance tal-carers, introduzzjoni ta’ social loans għal min irid jixtri dar, tkomplija tal-programm ta’ għoti ta’ kumpens lil min sofra inġustizzja bħala ma huma l-eks-ħaddiema tax-xatt, tal-korpi u pulizija, investiment fil-konnettività bejn Malta u Għawdex, kif ukoll introduzzjoni ta’ strateġija nazzjonali dwar is-settur tal-blockchains u crypto-currency.
Il-GWU tqis dan il-baġit bħala wieħed soċjalment ġust li se jgawdu minnu l-faxxex kollha tas-soċjetà Maltija. Baġit li rrikonoxxa is-sehem li taw il-ħaddiema biex f’dawn l-aħħar snin tinbidel ir-rotta ekonomika u bħala pajjiż naraw titjib fil-qagħda soċjali tal-poplu. Titjib li kien rikonoxxut saħansitra minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali magħrufa.
Din hija l-ewwel reazzjoni tal-GWU għall-Baġit 2018 u fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Nazzjonali se jkun qed joħroġ ir-reazzjoni uffiċjali.

https://youtu.be/k-2Gcx_FB-E