TOP


GWU

 

Il-GWU bdiet proċess ta' immodernizzar immirat biex mil-lum issaħħaħ il-futur tagħha



05102017

Dan l-immodernizzar se jkun jinkludi l-aġġornar tal-istatut u l-policies tagħha, kodiċi ta' etika għall-uffiċjali tagħha, it-twaqqif ta' taqsima ġdida biex tingħaqad ma' dawk eżistenti, servizzi ġodda lill-membri, kumpens għar-rappreżentanti tagħha u t-tisħiħ tal-mezzi tax-xandir tagħha fosthom bir-ritorn tagħhom fil-WMB. 

Kien is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li ippreżenta l-viżjoni tiegħu għall-futur tal-unjin waqt li kien qed jindirizza lid-delegati li attendew għall-konferenza organizzat fl-okkażjoni tal-74 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Bugeja qal li wara li l-GWU saħħet il-pedamenti tagħha u ħadet rendikont tas-sitwzzjoni bdiet tħejji biex is-sena d-dieħla tiċċelebra l-75 sena tagħha.

Huwa ħabbar li bħala parti mill-proċess tal-bidla twaqqfet it-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurta u Infurzar tal-Liġi li taħtha se jaqgħu suldati, pulizija, uffiċjali tad-detenzjoni, gwardjani tal-Ħabs, gwardjani lokali, uffiċjali tas-sigurta kifukoll uffiċjali tal-protezzjoni ċivili.

Bugeja qal li l-GWU se ssaħħaħ l-istruttura tagħha u se tibda l-proċess biex jiġi aġġornat l-istatut u l-policies u l-kodiċi ta' etika kif ukoll biex tibda toffris servizzi ġodda li ebda unjin oħra ma toffrihom.

Huwa sostna li l-unjin se tkun teħtieġ rappreżentanti biex jindirizzaw problemi żgħar ħalli s-segretarji jkunu jistgħu jiffukaw fuq in-negozjar kolletti.

Bugeja semma wkoll kif huma jridu li x-xogħol tar-rappreżentanti jkun ikkumpensat b'mod xieraq u dan se jkun marbut man-numru tal-membri f'kull post tax-xogħol u ż-żamma tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li wasal ukoll iż-żmien għal ristrutturar tal-ħlas tal-miżata bl-aġġustament se jkun rifless f'servizzi ġodda li jagħtu aktar valur lis-sħubija.

Dwar il-media tal-unjin – li jinkludu l-ġurnali L-ORIZZONT u T-TORĊA kif ukoll il-portal INEWS – huwa qal li din tista' tkun strumentali biex twassal aħjar il-messaġġ tagħha u mis-sena d-dieħla se jibdew joperaw mill-kwarteri tal-unjin biex ikun hemm aktar sinerġija.

Bugeja qal li l-GWU tinsab ukoll f'diskussjonijiet ma' istituzzjonijiet internazzjonali finanzjarji biex toffri s-servizzi ġodda lill-membri u qed taħdem biex tiffirma diversi ftehim bilaterali ma' trejdunjins barranin dwar dan.

Waqt li semma dawn l-inizjattivi, Bugeja qal li l-proċess ta' modernizzar għandu jilħaq il-qofol tiegħu bl-approvazzjoni tad-delegati waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 anniversarju.

Huwa spjega kif dan kollu għandu jwassal biex l-unjin tkun kapaċi tiddefendi aħjar lill-ħaddiema, tagħti vuċi lil min m'għandux u tgħin lill-iktar vulnerabbli. 

“Din il-ħidma hija mnissla minn valuri soċjali u xellugin. Konvint li bil-ħidma  ta' kull wieħed u waħda minnhom nagħmlu ċert li l-futur ta' din il-unjin ikun issa”, huwa qal lid-delegati.

Bugeja ma naqasx milli jitkellem dwar il-ħidma li l-GWU wettqet f'dawn l-aħħar sentejn fejn semma kif l-unjin iffirmat diversi ftehim kollettiv li ġabu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' eluf ta' ħaddiema.

Fost oħrajn semma l-ftehim milħuq mal-Gvern dwar il-ħaddiema fl-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak ġenerali t'Għawdex u dwar l-Enemalta waqt li rrefera għall-ftehim milħuq ukoll mal-Gvern dwar il-ħaddiema tal-Airmalta membri fil-unjin.

Bugeja wera d-dispjaċir tiegħu kull meta l-unjin kienet iffaċċjat minn ħaddiema li tilfu l-impjieg fejn iddeskriviha bħala esperjenza li tweġġgħek imma li fl-istess ħin issaħħek biex tgħinhom aktar.

Huwa wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-unjin kienet strumentali biex ġie l-ikbar investiment f'Malta, dak tal-Crane Currency, kif ukoll talli f'diversi postijiet fejn tirrappreżenta lill-ħaddiema saru investimenti kbar fosthom id-De La Rue, il-Hilton, id-Dolmen, Farsons, l-SR Technics u l-Playmobil.

Fuq livell nazzjonali l-GWU kienet protagonista fil-ħruġ tal-liġi dwar ir-rikonnixximent, biex intlaħaq ftehim nazzjonali ħalli tiżdied il-paga minima fl-istess waqt li nħoloq mekkanizmu biex il-paga minima tkun perjodikament riveduta, kompliet bil-ġlieda kontra l-prekarjat u ħadet sehem fid-diskussjonijiet biex jiġu aġġornati l-ordni tal-kunsill tal-pagi (Works Regulation Order), l-aġġornar tal-liġi industrijali u kull liġi oħra li tmiss mad-dinjità tax-xogħol. 

“Konna aħna li bdejna kampanja biex il-liġi tax-xogħol tiġi emendata ħalli tirrifleti r-realtà li lkoll qed ngħixu ta’ kuljum. Illum kważi f’kull post tax-xogħol issib kemm impjegati direttament fl-azjenda kif ukoll tal-kuntratur. Allura l-liġi tax-xogħol għandha tirrifletti din ir-realtà.

Għalhekk qed nagħmlu din il-ġlieda biex ma jkunx hemm differenza fil-kundizzjonijiet tal-impjieg fl-istess post tax-xogħol. L-istess qed niġġieldu għall-ħlas doppju għal xogħol li jsir il-Ħadd u ħlas tripplu għal xogħol fil-festi pubbliċi kollha. Dan qed nagħmluh għall-ħaddiema kollha għax nemmnu fl-ugwaljanza”, żied Bugeja. 

Huwa semma l-kwistjoni tal-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li issa hemm wegħda elettorali li dawn jingħataw lura.

Bugeja enfasizza li l-unjin temmen li l-ħaddiem għandu jkun parteċipi fis-suċċess ekonomiku li qed jesperjenza l-pajjiż u għandu jtejjeb il-livell tal-ħajja tiegħu u għalhekk temmen li t-tkabbir ekonomiku u l-ġustizzja soċjali jeħtieġ li jimxu flimkien biex ħadd ma jaqa’ lura. 

“Dan huwa l-kobor tal-GWU, il-kontinwità u l-perseveranza. Dan huwa li jagħmel lill-GWU differenti”, sostna bi kburija Bugeja.

Huwa rrefera wkoll għall-ħidma li twettqet fuq livell internazzjonali, fosthom fl-ILO u fl-ETUC, fejn l-unjin ħadmet favur Malta biex it-tassazzjoni tibqa’ issue nazzjonali, fuq id-direttiva dwar l-ippustjar tal-ħaddiema bejn il-pajjiżi tal-UE ħalli ħaddiema lokali jkollhom l-istess kundizzjonijiet ta' barranin li jinġiebu f'pajjiżna u anke dwar il-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali. 

Waqt il-Presidenza Maltija tal-UE l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions laqqgħet l-eżekuttiv tagħha f’pajjiżna u l-GWU ħadet sehem ukoll fis-summit soċjali tripartitiku u fil-kampanja għall-żieda fil-paga għall-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea. 

“Dan kollu għamilnieh għax verament nemmnu li aħna l-vuċi u d-difensuri tal-ħaddiem Malti ġewwa l-Ewropa”, saħaq Bugeja waqt li semma kif kien kburi li waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-60 sena mit-twaqqif tal-UE huwa kien ir-rappreżentant uffiċjali tal-ħaddiema kollha Maltin. 

“Qed nibnu relazzjonijiet ġodda ma’ trade unions barranin biex nitgħallmu l-l-aħħjar prattiċi fir-relazzjonijiet industrijali f’pajjiżhom u naqsmu l-esperjenzi tagħna magħhom. Trejdunjins barranin jgħiru għas-suċċess li qed nwettqu lkol flimkien”.

Bugeja żied li lokalment l-unjin kienet involuta wkoll f'oqsma soċjali u ħarġet bi proposti dwar il-faqar, il-housing soċjali, il-kirjiet, id-diżabilità, l-ugwaljanza, l-immigrazzjoni, id-drittijiet ċivili u l-pensjonanti. 

“Nemmen li tajna vuċi lil dawk iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli. Lil dawk li m’għandhomx vuċi. Lil dawk l-aktar fil-bżonn. Dan nagħmluh għax nemmnu fil-gustizzja soċjali. Nemmnu fl-għaqda u nemmnu fis-solidarjetà”. 

Bugeja esprima s-sodisfazzjon ukoll tiegħu li l-GWU qed tkun kontinwament ikkonsultata fuq policies nazzjonali fuq livell ta’ gvern, ta’ ministeri u anke mal-Prim Ministru nnifsu.

“Mhux l-ewwel darba li grupp ta’ segretarji niltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat biex ngħidulu l-problemi li niltaqgħu magħhom fil-postijiet tax-xogħol tagħkom u nressqu soluzzjonijiet li aħna nemmnu li jsolvu dawn il-problemi u ħafna minn dawn is-soluzzjonijiet li jkunu ġejjin mingħandkom jiġu milqugħa”.  

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Bugeja wiegħed li l-GWU se tkompli taħdem biex tkun l-ikbar, l-aqwa u l-aħjar unjin fil-pajjiż biex tipproteġi l-interessi tal-membri tagħha.

Huwa ma naqasx milli jirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-GWU, lis-segretarji tat-taqsimiet u lil dawk kollha li jaħdmu fi ħdan il-unjin inkluż ħaddiema fil-WMB u fil-kumpaniji sussidjarji kif ukoll delegati u shop stewards.

Fil-konferenza kemm Bugeja, kemm il-President Victor Carachi, kemm id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri kif ukoll is-Segretarju Internazzjonali Jason Deguara ġew ikkonfermati fil-karigi tagħhom mid-delegati b'mod unanimu.