TOP


GWU

 

Il-GWU mhux se taċċetta tnaqqir tal-benefiċċju tal-leave tal-mard



24082017

Il-General Workers’ Union b’mod assolut hija kontra l-proposta mressqa mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) li permezz tagħha jridu li l-ewwel ġurnata tal-leave tal-mard ma tkunx imħallsa u titqies bħala ġurnata ta’ stennija. Il-Union temmen li l-proposta mressqa mill-MEA jekk tittwettaq se treġġa’ l-arloġġ lura għal żmien li fih l-ħaddiema kienu jkunu abbużati u sfruttati. Il-Union issostni li jekk l-MEA tinsab inkwetata b’xi tip ta’ nuqqas, għaldaqstant għandu jiġi indirizzat dan. Il-GWU biss tfakkar lill-MEA li skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) – R134 - Medical Care and Sickness Benefits Recommendation, (1969) – it-terminu ta’ mard ifisser kwalunkwe kundizzjoni morbuża, hi x’inhi l-kawża. Min-naħa tagħha l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp u Koperazzjoni Ekonomika (OECD) tikwalifika t-terminu ta’ kundizzjoni morbuża bħala sitwazzjoni li l-persuna ma tkunx qegħda fiżikament u mentalment fi stat tajjeb li tidħol għax-xogħol.