TOP


GWU

 

Mhux aċċettabbli l-atteġġament arroganti u intimidatorju tal-management ta’ Palumbo



20072017

Il-General Workers’ Union tikkundanna bil-qawwa kollha l-attentat tat-tmexxija tat-Tarzna ta’ Palumbo biex tgħawweġ il-fatti li ġraw dalgħodu. Ir-realtà hija li l-ħaddiema xebgħu jkunu intimidati. Il-protesta tal-lum mill-ħaddiema kienet turija ta’ dan u b’appoġġ għall-mod inġust u arbitrarju li bih tkeċċa wieħed minn fosthom. 

Għaldaqstant il-GWU permezz tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tiċħad bil-qawwa kollha li l-ħaddiem intemmlu l-impjieg għax kien arroganti ma’ xi membru tal-management. Fir-realtà l-affarijiet ġraw mod ieħor. Kienet l-istess membru tal-management li pprova iġġiegħel lill-ħaddiem jikteb u jiffirma l-ittra tar-riżenja mill-impjieg. Kienet l-istess membru tal-management li heddedt lill-istess impjegat li jekk mhux se jagħmel kif qed tgħidlu kienet se ġġiblu l-pulizija. Minħabba li l-ħaddiem żamm sod u ma waqgħax għat-theddid u l-intimidazzjoni, il-management ivvinta l-iskuża li dan ma laħaqx il-livelli mixtieqa u b’hekk keċċieh. Il-ħaddiema sħabu kollha qed jiċħdu dan u għalhekk ħarġu jipprotestaw kontra l-gideb u l-intimidazzjoni tal-management. 

Il-GWU għaldaqstant qed twissi lill-management tat-Tarzna ta’ Palumbo biex b’mod immedjat iwaqqaf dan l-atteġġament arroganti u intimidatorju. Aktar minn hekk il-GWU se tkun attenta għal dak kollu li qed iseħħ ġewwa t-Tarzna u lesta li tieħu dawk l-azzjonijiet kollha permessi mil-liġi biex tipproteġi l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-imsieħba tagħha fit-Tarzna ta’ Palumbo, inkluż waqfien mix-xogħol.