TOP


GWU

 

Il-GWU tikseb b’mod immedjat iż-żieda fil-paga minima għall-ħaddiema tal-OZOGroup



01062017

Wara negozjati li saru bejn il-General Workers’ Union u l-kumpanija OZOGroup intlaħaq ftehim li ż-żieda fil-paga minima, maqbula fi ftehim nazzjonali bejn l-imsieħba soċjali, se tkun qed tingħata mill-ewwel sħiħa lill-impjegati kollha tal-imsemmija kumpanija, irrispettivament minn meta bdew l-impjieg tagħhom. Aktar minhekk fl-1 ta’ Jannar 2018 l-impjegati kollha tal-kumpanija se jkunu qed jirċievu ż-żieda sħiħa ta’ €3 irrispettivament minn meta ngħaqdu mal-kumpanija. 

Il-qbil bejn il-GWU u l-kumpanija OZOGroup jaħseb ukoll biex dawk il-ħaddiema li ilhom impjegati mal-kumpanija għall-perjodu ta’ aktar minn sena, se jirċievu b’lura minn Jannar ta’ din is-sena ż-żieda ta’ €3 fil-paga minima. Dan il-ftehim se jseħħ ukoll grazzi għall-impenn u l-interess li intwera mill-istess kumpanija fejn irnexxielha tikseb ukoll l-assikurazzjoni mill-kumpaniji – li lilhom tagħti s-servizzi tagħha – biex anke huma finanzjarjament jaċċettaw li jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq mal-GWU. 
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li dan il-qbil juri l-impenn tal-GWU li tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-ħajja tal-ħaddiema: “Il-ħidma tagħna ma waqfitx malli ġie ffirmat il-ftehim nazzjonali dwar iż-żieda fil-paga minima, iżda bqajna naħdmu biex fejn għandna r-rappreżentanza l-ħaddiema jibdew jibbenefikaw minnha mill-ewwel b’mod sħiħ.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat qal li dan il-ftehim se jtejjeb b’mod immedjat il-livell ta’ ħajja tal-mijiet ta’ ħaddiema li huma impjegati mal-kumpanija OZOGroup. B’mod speċjali huwa rringrazzja lil Mario Muscat Chairperson ta’ OZOGroup tal-ħidma li wettaq biex dawn iż-żidied jingħataw lill-ħaddiema kollha rrispettivament minn kemm ilhom impjegati mal-kumpanija. Saħaq li dan il-ftehim se jkompli jinċentiva lill-ħaddiema biex ikomplu jtejbu s-servizz li jagħtu f’isem l-istess OZOGroup.