TOP


GWU

 

Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema amministrattivi tal-ITS f'26 sena



27052017

Il-General Workers Union (GWU) u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), ilbieraħ iffirmaw ftehim kollettiv għall-ħaddiema amministrattivi tal-ITS, li permezz tiegħu dawn il-ħaddiema se jkollhom titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tagħhom. 

Dan il-ftehim kollettiv, li kien l-ewwel wieħed li sar fl-26 sena għall-ħaddiema tal-ITS, kien riżultat ta' ħidma li saret fl-aħħar erba snin bejn dawk kollha ikkonċernati, fosthom il-GWU. Dan il-ftehim se jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar tal-2017 b'terminu ta' ħames snin.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja saħaq li meta l-GWU kisbet ir-rikonoxximent sitt snin ilu, sabet ostakli kbar min-naħa ta' Gvern Nazzjonalista. 
“Madankollu kif kien hemm bidla fl-amministrazzjoni bdejna d-diskussjonijiet ma' Gvern Laburista. Iżda sfortunatament, sibna nuqqasijiet kbar f'dak li għandu x'jaqsam ma' organizzazzjoni u struttura. Infatti l-ħaddiema lanqas kienu jafu jekk humiex parti mill-istruttura jew le” qal is-Segretarju Ġenerali Bugeja. 
Saħaq li għal ħafna snin dawn il-ħaddiema amministrattivi kien mingħalihom li huma ħaddiema taċ-ċivil, meta fir-realtà ma kienux. Is-Segretarju Ġenerali Bugeja saħaq li d-diskussjonijiet li saru fl-aħħar sentejn, servew biex din is-sitwazzjoni tkun iċċarata.
“Eventwalment, din il-konfużjoni ġiet iċċarata u illum il-ħaddiema għandhom ftehim kollettiv li barra li jagħti struttura ċara qed itejjeb il-kundizzjonijiet ġenerali tal-impjieg tagħhom” qal is-Segretarju Ġenrali Bugeja. 
Intervent ieħor sar mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li min-naħa tiegħu rringrazzja lil bord tad-Diretturi, il-maniġment u l-ħaddiema kollha tal-ITS għax-xogħol siewi u professjonali tagħhom. Min-naħa tiegħu, il-Ministru rringrazzja lid-diriġenti tal-GWU għal kollaborazzjoni biex setgħa jintlaħaq dan il-ftehim. 
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis saħaq il-Gvern jemmen bis-sħiħ li l-pożizzjoni tal-ħaddiema amministrattivi għandha tkun regolarizzata. “Il-Gvern iħares lejn il-ħaddiema kollha b'dinjità, anke dawk li ma humiex akkademiċi. Kien għalhekk li ilħaqna dan il-ftehim” qal il-Ministru Zammit Lewis.
Lejn tmiem l-intervent tiegħu l-Ministru Zammit Lewis saħaq li issa l-Gvern qiegħed iħares il-quddiem biex wara t-3 ta' Ġunju, jibda l-bini ta' ġdid tal-ITS li se jkun ferm aktar modern minn dak preżenti. 
Lejn tmiem il-konferenza stampa, ġie iffirmat il-ftehim bejn is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u l-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech.