TOP


GWU

 

Il-GWU titlob impenn u front wieħed mill-imsieħba soċjali biex jitħares is-settur finanzjarju ta’ pajjiżna



20052017

Fl-isfond tal-pubblikazzjoni ta’ dawk li qed jissejħu ‘Malta Files’, il-General Workers’ Union qed titlob għall-impenn mill-imsieħba soċjali kollha, mit-trade unions, minn min iħaddem u mis-soċjetà ċivili biex flimkien inxejnu dawn l-attakki li jistgħu jpoġġu f’periklu eluf ta’ impjiegi f’pajjiżna. Il-GWU tqis dan l-attakk bħala tentattiv biex jitnaffar u jitgerrex l-investiment barrani u ma jħallix lill-pajjiżna jkompli jsaħħaħ l-ekonomija tiegħu. Dan huwa mument fejn għandna lkoll flimkien ningħaqdu b’vuċi waħda u front wieħed.

Għaldaqstant il-GWU tilqa’ l-appell tal-Prim Ministru u tiddikjara li tinsab lesta biex tuża l-mezzi kollha tagħha fl-isferi Ewropej ħalli tiddefendi isem Malta. Il-Union titlob biex l-imsieħba soċjali kollha naħdmu fuq strateġija ħalli nipproteġu l-interessi ta’ pajjiżna.
Għall-GWU mhuwiex aċċettabbli li hekk kif pajjiżna qed jikseb riżultati ekonomiċi u finanzjarji b’saħħithom, li qed jippermettu l-ħolqien ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol u titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, Malta tisfa fil-mira ta’ attakki nstigati minn dawk li mhumiex kuntenti bis-suċċess li qed jinkiseb.