TOP


GWU

 

Simon Busuttil ikompli jigdeb u jattakka l-GWU



16052017

L-atteġġjament u l-attakk bla preċident fil-konferenza tal-lum tal-kap tal-oppożizzjoni Simon Busuttil fuq il-GWU juri l-istat ta’ disprament li jinsab fih. Simon Busuttil ma jitlef l-ebda okkażjoni biex bil-gideb u allegazzjonijiet qarieqa jattakka l-GWU fuq l-iskema ta’ xogħol fil-komunità. Skema li tat dinjità u stabbilità lil dawn il-ħaddiema. Mill-ġdid il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jigdeb meta qed jagħti ċ-ċifri ħżiena u qed jagħmel allegazzjonijiet perikolużi dwar il-mod li bih ingħata l-kuntratt. Bil-kontra ta' dak li ta x'jifhem il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-iskema ta' xogħol fil-komunità ma ngħatatx b’mod dirett mill-Gvern lill-GWU. Kien hemm sejħa għall-offerti, bil-proposta tal-GWU tkun l-orħos waħda minn fost tlieta. L-għażla saret wara proċess li kien miftuħ, trasparenti u li kulħadd seta’ jitfa’ l-offerta tiegħu.

Simon Busuttil ma għandu l-ebda kredenzjali biex jitkellem fuq id-dinjità fl-impjiegi u l-prekarjat. Din l-iskema bdiet taħt Gvern Nazzjonalista fl-2009 u kompliet meta hu kien viċi kap tal-Partit Nazzjonalista. Id-differenza hija li taħt Gvern Nazzjonalista din l-skema kienet topera b’kundizzjonijiet prekarji meta dawn il-ħaddiema, kienu jitħallsu 75% tal-paga minima; f’għajnejn il-liġi ma kinux ikkunsidrati bħala impjegati u għalhekk la kienu protetti u lanqas kienu jgawdu mill-benefiċċji bħal ħaddiema oħra. Dan kollu Simon Busuttil kien qabel miegħu u kien tajjeb għalih. L-uniku fatt magħruf u ppruvat huwa li Gvern Nazzjonalista kien sponsor ewlieni ta’ xogħol prekarju.
Id-differenza issa hija li f’inqas minn sena din l-iskema tat dinjità lill-dawn il-ħaddiema, stabbilità fl-impjiegi u tat dak kollu li tipprovdi l-liġi. Barra hekk ħafna minn dawn il-ħaddiema jieħdu diversi allowances marbuta ma’ xogħol li jagħmlu. Il-GWU ser tkompli taħdem biex kemm il-ħaddiema li jaqgħu taħt l-iskema tax-xogħol fil-komunità kif ukoll ħaddiem oħra jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet ta’ xoghol meta Malta qed tesperjenza l-aqwa żmien tagħha.
Għaldaqstant l-ebda attakk u gideb ta’ Simon Busuttil mhu ser iwaqqaf u joskura l-ħidma li qed tagħmel il-GWU biex tgħin lill-imsieħba tagħha, ħaddiema u dawk l-aktar fil-bżonn.