TOP


GWU

 

Simon Busuttil jigdeb biex jattakka lil GWU



09052017

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa giddieb. Jaf li qed jigdeb u jibqa’ jigdeb basta jattakka lill-GWU. Simon Busuttil qed jigdeb meta qed jiddikjara ċ-ċifra ta’ profitti fl-Iskema ta’ Xogħol fil-Komunità, u qed jigdeb ukoll meta qed jgħid li l-ħaddiema jitħaddmu b’kundizzjonijiet prekarji. Jidher li għadu jaħseb li l-Iskema ta’ Xogħol fil-Komunità hija l-istess waħda li kienet titħaddem meta huwa kien il-viċi kap tal-PN fil-Gvern. Dakinhar dik l-iskema mhux biss kienet prekarja u umiljanti għall-ħaddiema li kienu sfurzati jaħdmu fiha.

Simon Busuttil qed jigdeb meta jgħid li l-iskema hija waħda li tħaddem bil-prekarjat meta jaf, u kellu kull żmien possibbli biex personalment jivverifika u ma joqgħodx fuq l-allegazzjonijiet, li l-iskema kif inhija mħaddma llum mill-Fondazzjoni għax-Xogħol fil-Komunità qed tagħti l-ewwel u qabel kollox id-dinjità lill-ħaddiema, qed tagħti l-paga minima sħiħa flimkien ma’ allowances oħra, u l-istess ħaddiema qed jigwadanjaw mill-bonuses kollha li jingħataw lil ħaddiema kif ukoll mill-benefiċċji kollha li bi dritt u skont il-liġi huma intitolati għalihom fosthom leave u sick leave. Fi żmien li Simon Busuttil kien viċi kap tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern il-ħaddiema f’din it-tip ta’ skema kienu jitħallsu 75% tal-paga minima; f’għajnejn il-liġi ma kienux ikkunsidrati bħala ħaddiema u għalhekk la kienu protetti u lanqas kienu jgawdu mill-benefiċċji bħal ħaddiema oħra bħal ma huma leave, sick leave, leave ta’ korriment u kull tip ta’ allowance oħra. Dan kien prekarjat. Fl-iskema ta’ żmien Simon Busuttil il-ħaddiema kienu sfruttati, abbużati u umiljati.
Tajjeb nfakkru li mgħomi mill-mibgħeda li l-PN għandu lejn il-GWU, meta l-istess Union resqet il-proposti tagħha qabel il-baġit 2017 lill-Partit Nazzjonalista l-proposta għat-tisħiħ fis-settur privat tal-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ l-istess valur l-istess PN warrabha. Kieku ried seta’ jgħamilha tiegħu u jappoġġja lill-Gvern Laburista li fil-Baġit 2017, laqa’ l-proposta tal-GWU u nieda diskussjoni mal-imsieħba soċjali għall-implimentazzjoni tagħha.
Għaldaqstant Simon Busuttil m’għandu l-ebda kredenzjali biex jitkellem dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, il-ġustizzja soċjali u bil-wisq anqas dwar il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ l-istess valur. Simon Busuttil huwa giddieb u diviżiv, u qed juri minn issa b’liema mod, jekk ikun fil-gvern, irid jittratta mal-GWU.