TOP


GWU

 

Il-carers huma mħarrġa u meħtieġa fis-servizz tas-saħħa



12042017

B’referenza għar-rapporti li dehru fil-midja dwar il-pożizzjoni tal-MUMN fil-konfront tal-carers li jaħdmu fir-residenza ta’ San Vincenz De Paule, li setgħu taw x’jinftiehem li dawn il-carers m’għandhomx il-kapaċità li jaqdu d-dmirijiet tagħhom, il-GWU tisħaq li l-carers kollha msieħba fi ħdanha huma nies mħarrġa u għandhom il-kwalifiki kollha meħtieġa.

Tajjeb li wieħed jgħid li apparti t-tobba, in-nurses u l-professjonisti oħra, nies bħal Carers, Nursing Aides, Health Assistants, Assistant Care Workers, Hospital Auxiliaries, Social Assistants u ħaddiema oħra jiffurmaw parti integrali kemm fil-qasam tas-saħħa kif ukoll fil-qasam tal-kura tal-anzjani. Dan partikolarment wara li tul is-snin, dawn imlew il-vojt li ħallew in-nurses meta ttieħdu deċiżjonijiet li wasslu biex huma jiffokkaw aktar fuq xogħol speċjalizzat.
Id-dedikazzjoni ta’ dawn il-carers flimkien ma’ oħrajn jistgħu jixduha dawk il-pazjenti u residenti kollha li regolarment jagħmlu użu mis-servizzi tal-Gvern.
It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU, filwaqt li temmen li dan l-attakk fuq dawn il-ħaddiema ma kienx wieħed intenzjonat li jkun hekk, tisħaq li huwa integrali għal pajjiż li gruppi ta’ ħaddiema f’qasam hekk delikat għandhom jaħdmu flimkien fi spritu ta’ fratellanza għal ġid tal-pajjiż.