TOP


GWU

 

Il-GWU b’azzjonijiet industrijali fl-MIA



12042017

Il-General Workers’ Union ordnat azzjonijiet industrijali fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) wara li ma ntlaħaqx qbil dwar il-ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema. L-akbar ostaklu għal ftehim kollettiv ġdid huwa li minkejja ż-żieda sostanzjali ta’ attività kummerċjali ġewwa l-MIA, xprunata minn tkabbir fis-settur turistiku, il-kumpanija baqgħet iżżomm lura milli taċċetta titjib fil-kundizzjonjiet tal-ħaddiema.

Il-GWU flimkien mal-UĦM, li qed jinnegiozjaw b’mod konġunt il-kundizzjonijet tal-ħaddiema fl-MIA, ma kellhomx triq oħra ħlief li jirreġistraw tilwima mad-Direttur tad-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali u jordnaw l-azzjonijiet industrijali.
In-negozjati ilhom għaddejjin is-snin u kien propju s-sena li għaddiet li ż-żewġ unjins kienu rreġistraw tilwima, li għaliha l-kumpanija wieġbet li seta’ kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni u talbet li l-partijiet jiltaqgħu biex tingħata spjega. Kien għalhekk li intlaqgħet it-talba tal-kumpanija u l-unjins irtiraw it-tilwima biex jitkomplew in-negozjati. Biss minn dakinhar sal-lum in-negozjati baqgħu jkunu karatterizzati minn dewmien u nuqqas ta’ qbil fuq il-kuindizzjonijiet ta’ xogħol, bil-għan li jtejbu l-qagħda tal-ħaddiema. Għalhekk li l-GWU u l-UĦM wara li rreġistraw t-tilwima industrijali ordnaw id-direttivi tagħhom lill-ħaddiema li jirrappreżentaw. L-ewwel direttiva se tkun dik li l-ħaddiema ma jikkomunikawx permezz tal-email.
Sandro Vella, Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU, jisħaq li: “Il-kumpanija matul dawn l-aħħar tliet snin għamlet qligħ sostanzjali bis-saħħa tal-ħaddiema. Il-ħaddiema taw il-kontribut siewi tagħhom biex l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkun jista’ jsaħħaħ il-qagħda kummerċjali tiegħu. Dan sar f’perijodu fejn il-produttivita’ tax-xogħol żdiedet b’numru inqas ta’ ħaddiema. Minkejja dan il-kumpanija għadha żżomm lura milli tirrikonoxxi l-kontribut tal-ħaddiema u għalhekk ittejbilhom il-pakkett tal-kundizzjonijiet.”
Ramon Francalanza, Employment Relations Manager fi ħdan il-UĦM qal li l-ħaddiema membri ġew imċaħda milli jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol bl-unika żieda li bbenefikaw minnha dawn il-ħaddiema kienet biss dik tal-għoli tal-ħajja (COLA).”