TOP


GWU

 

Il-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Arċisqof



07042017

Il-General Workers’ Union tilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Arċisqof Charles Scicluna dwar il-fatt li t-tmexxija u l-operat tal-iskema ta’ xogħol fil-komunità, ma kinitx kif kien rappurtat fuq gazzetta lokali. Il-Union tapprezza s-sinċerità li wera l-Arċisqof Scicluna waqt il-programm Dissett, li fehem l-ħidma li qed tgħamel il-GWU fis-soċjetà Maltija. 

Il-GWU tista’ tikkonferma wkoll li teżisti klima kordjali bejn il-Union u l-Kurja ta’ Malta fejn id-djalogu huwa wieħed kontinwu. U dan anke fid-dawl li l-Union għandha l-għarfien ewlieni f’diversi entitajiet tal-Knisja li joffru servizzi utli u meħtieġa għal ġid tas-soċjetà. Grazzi għal din il-klima, il-Union irnexxielha ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li rriżulta f’titjib fis-servizz għall-klijenti tal-istess entitajiet tal-Knisja.

Barra dan għaddejjin diskussjonijiet biex il-GWU flimkien mal-Knisja Maltija, biex jaħdmu fuq diversi proġetti intiżi biex jgħinu nies vulnerabbli. Fi żmien li ġej se jitħabbar proġett konġunt li għandu l-għan li jilħaq l-miri soċjali taż-żewġ naħat.

Il-koperazzjoni u l-ħidma bejn il-GWU u l-Kurja hija msaħħa wkoll minn relazzjoni ta’ rispett u ħbiberija li teżisti bejn is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-Arċisqof Charles Scicluna. Il-GWU tista’ tikkonferma li fiż-żmien li ġej se ssir laqgħa, kif diġà ppjanat u kkonfermat, bejn is-Segretarju Ġenerali u l-Arċisqof ta’ Malta.