TOP


GWU

 

Il-GWU u l-Ministeru għat-Turiżmu jilħqu ftehim dwar ħlasijiet lill-ħaddiema tal-Air Malta



06042017

Wara ftehim milħuq mal-General Workers’ Union (GWU), il-Ministeru għat-Turiżmu jħabbar li wara ħames snin, il-ħaddiema tal-Air Malta, li ħadu l-iskema tal-irtirar kmieni fl-2011, ingħataw id-diskrepanzi fil-ħlas dovut lilhom mill-ammont globali hekk kif miftiehem magħhom dak iż-żmien.
Dan kien possibbli grazzi għall-għajnuna li kien hemm mill-Ministeru għall-Finanzi kif ukoll mill-GWU.
Il-ftehim intlaħaq ilbieraħ f’laqgħa bejn delegazzjoni tal-GWU mmexxija mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
F’din il-laqgħa ġiet diskussa t-triq ’il quddiem għall-ħaddiema membri tal-GWU fl-Air Malta. Il-GWU laqgħet bi pjaċir l-iskema ta’ rtirar volontarju għal kulħadd. Il-Ministru Zammit Lewis akkumpanjat mill-President Emeritus Dr George Abela u miċ-Chairperson tal-linja tal-ajru Air Malta Maria Micallef, spjegaw kif se jissokta l-kumitat maħtur apposta mmexxi minn Dr George Abela li se jibda jinnegozja mal-Union dwar skema ta’ rtirar volontarju bil-għan li jaslu għal ftehim dwar skemi ta’ rtirar u għal ftehim kollettiv għall-membri kollha tal-GWU sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej.