TOP


GWU

 

Il-GWU tgħin trejdunjonistikament lill-persuni f’video li xxerred fuq il-midja soċjali



30032017

Il-persuni li fil-jiem li għaddew dehru fuq video amatorjali meħud waqt relazzjoni intima, qegħdin jingħataw kull għajnuna possibbli mill-General Workers’ Union wara li, kawża tat-tixrid illegali ta’ dan il-video fuq is-siti soċjali, iffaċċjaw problemi anke fuq il-post tax-xogħol. Il-GWU filwaqt li ma tidħolx fil-mertu tal-kontenut tal-video, tesprimi d-dispjaċir tagħha li kawża ta’ aġir rresponsabbli ta’ terzi, il-persuni fil-video jinsabu għaddejjin minn mumenti ta’ tensjoni għaliex il-privatezza tagħhom kienet esposta għall-iskrutinju pubbliku. 

Il-GWU tħoss li l-mod li bih dan il-video spiċċa muri u mxerred fuq il-midja soċjali juri nuqqas ta’ professjonalità minn min kellu kull obbligu li jipproteġi l-privatezza tal-individwi. Dan huwa każ ċar ta’ traskuraġni u nuqqas ta’ għarfien ta’ x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi għall-persuni involuti. Ir-realtà hija li l-persuni fil-video amatorjali spiċċaw vittmi ta’ individwi bla skruplu.

Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Jeremy Camilleri esprima l-apprezzament tiegħu għall-għajnuna u l-appoġġ inkondizzjonat li ingħata lill-persuni. Huwa qal li bħala Union ttieħdu l-passi meħtieġa kollha biex l-persuni ma jiffaċċjawx riperkussjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Huwa rringrazzja lill-management tal-Malta Post li fehem li din kienet sitwazzjoni li l-impjegati involuti ma kelhomx kontroll fuqha u li seħħet fil-ħin liberu tagħhom. 

Aktar minn hekk Camilleri ukoll jirringrazzja lill-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli fejn impenjat ruħha li tiffaċilità l-għajnuna li tista’ tingħata lill-persuni involuti.