TOP


GWU

 

L-ilma huwa riżors li jrid ikun protett



25032017

Aktar mhu qed jgħaddi żmien aktar l-ilma għax-xorb u tisqija f’diversi partijiet tad-dinja qed ikun riżorsa skarsa. In-nuqqas tiegħu qed iwassal għal ġuħ u immigrazzjoni sfurzata. Dan għaldaqstant ipoġġi responsabbiltà kbira fuq il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet dinjija biex jagħmlu dak kollu possibbli ħalli jipproteġu u jsostnu aħjar din ir-riżorsa importanti għall-ħajja tal-bniedem. 
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ilma l-General Workers’ Union flimkien mal-GWU Youths jistqarru li l-aċċess u l-provvista tal-ilma għandhom ikunu garantiti bħala dritt naturali tal-bniedem, u għaldaqstant għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe sfruttament industrijali li jkun irid jikkontrolla dan ir-riżors għal skop ta’ profit. L-iskarsezza tal-ilma twassal ukoll għal taqlib ekoloġiku fejn anke l-fawna tkun f’riskju ta’ estinzjoni. 
Il-GWU u l-GWU Youths jappellaw, għall-aktar sensibilità fl-użu tal-ilma, kif ukoll għall-ħtieġa li din ir-riżorsa tkun imħarrsa mit-tniġġiż. Jisħqu li l-awtoritajiet għandhom jinvestu b’mod għaqli biex il-provvista tal-ilma għall-konsum tal-bniedem mhux biss tkun tal-aqwa kwalità iżda anke ssir bl-inqas ħela. Is-Segretarju tal-GWU Youths, Kendrick Bondin, jappella wkoll għal ħtieġa li l-ilma tal-pjan ikun imħares għall-ġenerezzjonijiet futuri: “B’dawn il-passi mhux biss niggarantixxu l-għajxien tal-bniedem iżda wkoll titħares in-natura li minnha nnifisha hija sors ta’ għajxien għal diversi speċi.”