TOP


GWU

 

Jum Internazzjonali tal-Mara: Il-GWU temmen li m’għandhiex tibqa’ ssir distinzjoni bejn is-sessi



08032017

F’dan il-Jum Internazzjonali tal-Mara l-GWU temmen li wasal iż-żmien li ma tibqax issir distinzjoni dwar xi drittijiet partikolari għandu jkollhom iż-żewġ sessi, iżda nitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ drittijiet ugwali għaċ-ċittadini. L-akbar disservizz li nistgħu nagħmlu lill-mara huwa meta nirreferu għaliha bħala persuna li hija inqas minnħaddieħor li għandha l-bżonn lil min jitħassarha. Bħala GWU nemmnu li wasal iż-żmien li dan it-tip ta’ argumentazzjoni jintemm u naħdmu biex iċ-ċittadini, hu x’inhu s-sess tagħhom, ikollhom l-istess drittijiet, benefiċċji u obbligi
Irid għalhekk ikollna soċjetà li tagħraf li kull individwu għandu l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tiegħu. Għaldaqstant għandu jkollna strutturi li jippermettu li dan il-ħolm jitwettaq. L-akbar ostaklu għall-mara hu proprju l-ħsiebkonservattiv li – minkejja l-opportunitajiet – il-mara xorta waħda għandha tkun il-persuna li trabbi l-ulied u tieħu ħsieb il-familja. Filwaqt li nirrikonoxxu l-benefiċċji li ddaħħlu matul is-snin biex il-mara tkun tista’ toħroġ fid-dinjatax-xogħol, xorta waħda dan il-ħsieb konservattiv għadu jxekkel lis-soċjetà Maltija. F’dan il-kuntest, bħala Union li fil-ħidma tagħna qatt ma qisna lil mara li hija inferjuri għar-raġel u fuq il-postijiet tax-xogħol ħdimna biex il-kundizzjonijiet ikunu marbuta mal-valur tax-xoghol u mhux mal-persuna li jwettaq il-ħidma; nemmnu li wasal iż-żmien li l-benefiċċji u l-faċilitajiet offruti lin-nisa ħaddiema li jkollhom wild jew ħtiġijiet familjari jkunu wkoll offrutilill-irġiel. Dan mingħajr ma nnaqqsu xejn li tieħu l-mara.
Il-GWU tisħaq li bħala soċjetà ċivili, gvern u msieħba soċjali wasal iż-żmien li nwarrbu d-distinzjonijiet bejn iċ-ċittadini u naħdmu lkoll flimkien biex noħolqu soċjetà ġusta li taħdem verament għall-ġid kollettiv fejn kullmembru minn tagħha jħossu li huwa parteċipi u apprezzat.