TOP


GWU

 

Il-GWU titlob xogħol indefint għall-ħaddiema tal-kuntrattur fil-Wasteserv



04032017

Il-General Workers’ Union kitbet lill-Gvern biex il-ħaddiema tal-kuntratturi fil-Wasteserv li għandhom kuntratti definiti jingħataw aktar serħan il-moħħ billi l-kuntratt ta’ xogħol  tagħhom jinbidel għal wieħed indefint. Il-GWU, li tirrappreżenta numru sostanzjali ta’ ħaddiema fil-kumpanija Wasteserv, qed tagħmel din it-talba bil-għan li dawn il-ħaddiema tal-kuntratturi jingħataw l-opportunità li jippjanaw u jtejbu l-ħajja tagħhom. 
Il-GWU tistqarr li din it-talba qed issir ukoll fl-isfond tal-ħidma tagħha ta’ dawn l-aħħar snin biex minn pajjiżna jinqata’ x-xogħol prekarju. Il-Union hija sodisfatta wkoll li grazzi għall-ħidma li wettqet matul is-snin l-amministrazzjoni tal-gvern preżenti għarfet dan u bdidet tintroduċi miżuri biex ix-xogħol prekarju jinqered u jkunu regolarizzati l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħafna ħaddiema. 
Għaldaqstant temmen li l-Wasteserv bħal entità pubblika għandha twettaq il-viżjoni tal-gvern preżenti li għaraf il-kawża ġusta tal-Union u għalhekk tagħmel it-tibdil meħtieġ biex il-ħaddiema tal-kuntratturi li jagħtu servizz f’diversi gradi fil-kumpanija ikollhom igawdu minn kuntratti indefiniti ta’ xogħol. Dan it-tibdil jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa minn dawn il-ħaddiema u jippermettilhom li jkunu f’pożizzjoni li jiżguraw ħajja aktar għall-familji tagħhom.