TOP


GWU

 

Il-ħaddiema ta’ Quintano Foods Ltd bi ftehim kollettiv ġdid



25022017

Il-General Workers’ Union għadha kif iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Quintano Foods Ltd, li tifforma parti minn Farsons Group of Companies. Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid, il-ħaddiema qed jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll f’titjib fil-pagi tagħhom. Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat, qal li l-qbil fuq dan il-ftehim kollettiv – li jkopri mill-2017 sal-2021 – intlaħaq minkejja l-kompetizzjoni kbira li l-kumpanija qed tiffaċċja fis-suq lokali. Saħaq li kien għalhekk li bħala parti minn dan il-ftehim mhux biss kienu imtejba l-benefiċċji finanzjarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, iżda kien hemm ukoll ristrutturar fil-prattiċi tax-xogħol li filwaqt li se jirriflettu r-realtà tad-dinja tax-xogħol, se jgħinu wkoll biex il-kumpanija topera b’mod effiċjenti f’dan is-settur. Min-naħa tiegħu l-Group Chief Executive Norman Aquilina qal li dan il-ftehim kollettiv ġdid jirrifletti r-relazzjoni tajba li teżisti bejn il-kumpanija u l-GWU. Saħaq li t-titjib li sar fid-diversi aspetti ta’ dan il-ftehim kollettiv huwa wkoll turija tal-fiduċja li l-management għandu fil-ħiliet u kapaċitajiet tal-ħaddiema, u għal daqstant jawgura li l-qbil milħuq ikompli jsaħħaħ il-prestazzjoni fis-suq tal-kumpanija. Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat u mix-Shopstewards Liam Cutajar u Carmel Cutajar. F’isem il-kumpanija ffirmaw il-Group Chief Executive Norman Aquilina, il-Group HR Manager u Segretarja tal-Kumpanija Antoinette Caruana, Head of Food Business John Bonello Ghio u minn HR Services Manager Tonio Mifsud Bonnici.