TOP


GWU

 

Messaġġ fl-okkażjoni tas-Sena l-Ġdida mill-President tal-GWU Victor Carachi



01012017

Huma pożittivi għall-aħħar l-indikaturi ekonomiċi għal pajjiżna, hekk kif l-ekonomija hija mistennija li tkompli tikber bir-rata ta’ 4.1%, filwaqt li d-defiċit fil-finanzi pubbliċi huwa maħsub li se jkun wieħed ta’ 0.6%. Dan fl-istess waqt li r-rata tal-qgħad tinsab fl-inqas livell ta’ dawn l-aħħar snin, madwar 4.7%. Hemm oqsma oħra  li juru li pajjiżna jinsab jagħmel passi pożittivi bħalma huma s-settur tal-enerġija, saħħa u edukazzjoni. 
Għall-ewwel darba f’aktar minn 25 sena rajna wkoll żieda fil-pensjonijiet kif ukoll lill-Gvern jgħin b’mod dirett lil dawk li jinsabu jgħixu fuq il-paga minima. Ma’ dawn wieħed ma jridx jinsa ż-żieda li kien hemm f’diversi benefiċċji soċjali, speċjalment għal dawk li jinsabu fil-bżonn jew li għal diversi raġunijiet ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol. 
Hekk kif it-tkabbir ekonomiku jidher li qabat it-triq ta sostenibbli, fattur li hu rikonoxxut anke mill-istess Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-General Workers’ Union temmen li issa huwa ż-żmien ideali biex l-imsieħba soċjali flimkien mal-Gvern jiddiskutu u jsibu soluzzjoni għal dak li hu magħruf bħala ‘in-work poverty’, fejn persuni minkejja li jaħdmu ma jkunux jistgħu jgħixu b’mod diċenti, kif ukoll soluzzjoni għall-faqar b’mod ġenerali. 
Dan jista’ jsir billi jidħlu fis-seħħ diversi mekkaniżmi u jitwettqu numru ta’ interventi diretti, bħalma hi ż-żieda fil-paga minima, żieda fil-pensjonijiet u żieda fil-benefiċċji għal dawk li ma jistgħux jaħdmu, kif ukoll b’intervent dirett varju ohrajn min-naħa tal-Gvern. Dawn l-inizjattivi għandhom iwasslu biex isir studju dwar x’impatt ikollu t-twettiq tal-proposta tal-GWU biex f’pajjiżna tkun introdotta l-‘living wage & Income’, li tiggarantixxi dħul u għajxien diċenti għaċ-ċittadini kollha, kemm jekk ikunu qegħdin jgħixu bil-pensjoni kontributorja, bis-servizzi soċjali jew li jkunu f’impjieg diċenti. 
L-ekonomija qiegħda hemm għall-bniedem u mhux bil-kontra. Għalhekk aktar ma jkun hawn persuni li jigwadanjaw mill-ġid li qed jinħoloq, aktar l-ekonomija se tkun tista’ tikber għaliex jiżdied il-konsum. Fl-istess waqt iżda dan ma jfissirx li għandu jkun hemm żidiet mhux kontrollati fil-pagi, minħabba li xorta waħda rridu nibqgħu kompetittivi fl-iswieq internazzjonali biex inkunu nistgħu inbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħna. Anke l-Gvern ma jistax jaqbad u jżid il-pensjonijiet u l-benefiċċji bil-konsegwenza li tinħoloq ħofra fil-finanzi pubbliċi li jkollha l-effett li jiżdied għal livelli mhux aċċettabbli d-dejn pubbliku. 
Għalhekk l-isfida ewlenija hija li jinstab bilanċ ġust fejn iż-żieda fil-pagi u benefiċċji tkun mifruxa fuq perjodu ta’ żmien bil-għan li ma toħloqx shockfl-ekonomija u fl-istess waqt tippermetti li wieħed janalizza l-progress li jkun qed isir u jwettaq l-aġġustamenti meħtieġa.
Fl-aħħar mill-aħħar il-poplu għażel li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea biex igawdi livell ta’ għajxien aħjar li jkun fil-livell ta’ pajjiżi oħra msieħba li huma l-aktar avvanzati. Il-Gvern preżenti jidher li jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq din il-mira. Biss f’diversi oqsma jonqos ħafna aktar x’isir bħal ngħidu aħna titjib fis-sistemi tat-trasport, li tħallew b’nuqqas ta’ ppjanar għal ħafna snin. Irridu nammettu li dawn il-problemi ma jistgħux jissolvew mil-lum għal għada. Però issa li ġiet imfassla l-Istrateġija Ġdida għat-Trasport, jinħtieġ li tidħol fis-seħħ kultura ta’ dixxiplina fil-mod li jsiru dawn il-proġetti. Dan bil-għan li jkun żgurat li l-miri għaż-żmien qasir, medju u fit-tul jintlaħqu u jkunu implimentati fi żmien u skont l-ispiża ppjanata. 
Fl-aħħar nett f’isem l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-GWU nixtieq nawgura s-sena t-tajba lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Nixtieq nawgura sena aħjar lil dawk li bħalissa jinsabu jiffaċċjaw problemi u tbatijiet fil-familja tagħhom.