TOP


GWU

 

Il-GWU tiffirma ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Mellieħa Bay Resort



31122016

Il-ħaddiema tal-Mellieħa Bay Resort bdew igawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar grazzi għall-ftehim kollettiv ġdid negozjat f’isimhom miIl-General Workers’ Union permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel. 
B’dan il-Ftehim Kollettiv, li kien iffirmat fil-jiem li għaddew, il-ħaddiema ta’ din il-lukanda se jgawdu minn titjib fil-pagi kif ukoll minn titjib fil-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol tagħhom.
Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat qal li wara xhur ta’ negozjati bejn iż-żewġ naħat intlaħaq qbil dwar ristrutturar tal-gradi tal-ħaddiema, liema ristrutturar se jkun qed jissarraf f’żidied fil-pagi kollha tal-impjegati. Saħaq li grazzi għal dan il-ftehim kollettiv, li jkopri mill-2016 sal-2018, il-ħaddiema se jkollhom inċentiv akbar biex ikomplu jtejbu l-ħidma tagħhom.
Il-General Manager tal-Mellieħa Bay Resort Marco Abdilla stqarr li l-ftehim milħuq huwa turija tal-koperazzjoni u fiduċja li teżisti bejn il-kumpanija u l-GWU. Saħaq li l-ftehim kollettiv huwa riżultat tal-andament pożittiv li tinsab għaddejja minnu l-lukanda u attribwixxa dan l-istess suċċess għall-fiduċja li għandha t-tmexxija fil-lukanda kif ukoll għax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema. 
Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat u mix-Shop Noel Vella. Minn naħa tal-management iffirmaw il-General Manager Marco Abdilla u l-Konsulent għar-Relazzjonijiet Industrijali Joe Farrugia.