TOP


GWU

 

Il-GWU twieġeb l-attakk malizjuż tal-Arċisqof



28112016

Il-General Workers’ Union tikkundanna l-atteġġament malizjuż tal-Arċisqof ta’ Malta, li kemm qabel u anke wara li vverifika l-fatti, iddeċieda li jikkummenta fuq l-operat tal-Fondazzjoni għal Xogħol fil-Komunità. L-Arċisqof għażel li jidħol fl-arena politika bil-ħsieb li joskura u jattakka lill-GWU. 

Huwa tal-mistħija li l-Arċisqof għażel li jirkeb il-karru politiku tal-Partit Nazzjonalista u jingħaqad miegħu f’attakki fuq il-GWU. Dan minkejja li l-istess Knisja li jmexxi qed tuża 19-il impjegat mill-istess skema mingħajr ma tħallas għalihom. 

Ta’ min jgħid li l-Knisja ilha numru ta’ snin tagħmel użu minn dan is-servizz fil-komunità. Il-GWU tistaqsi għaliex l-Arċisqof qatt ma wera indinjazzjoni u talab ġustizzja, meta l-entitajiet tal-Knisja kienu jużaw lil dawn il-persuni li kienu qed jitħallsu biss 75% tal-paga minima, bla drittijiet u jaħdmu b’kundizzjonijiet prekarji taħt skema ta’ gvern preċedenti.

Il-GWU tagħmilha ċara li llum l-ħaddiema impjegati fl-iskema preżenti ta’ xogħol fil-komunità qed igawdu minn pagi u kundizzjonijiet dinjitużi hekk kif stabbiliti minn qabel mill-Gvern. It-tħaddim ta’ din l-iskema mill-Fondazzjoni għal Xogħol fil-Komunità qed isir fl-ambitu tal-ħidma nazzjonali mwettqa mill-GWU kontra l-prekarjat.