TOP


GWU

 

Il-GWU tiċħad u tikkundanna l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha minn George Pulicino



12112016

Il-General Workers’ Union (GWU) bil-qawwa kollha tiċħad u tikkundanna l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha li għamel il-membru Parlamentari Nazzjonalista George Pullicino u tisfidah biex ma jinħebiex wara l-privileġġ Parlamentari u jagħmel dawn l-istess allegazzjonijiet fil-pubbliku. Huwa tal-mistħija kif Pulicino għażel li jservi ta’ vuċi għall-elementi politiċi ostili lejn il-GWU fil-kumpanija Wasteserve, kif ukoll tkellem f’isem trade union oħra u jipprova jalludi li l-GWU qed taħdem flimkien mal-management kontra l-interessi tal-ħaddiema. Jidher ċar li Pulicino ma jafx x’inhu għaddej fil-Wastserve u rrepeta biss dak li malizzjożament qalulu. 

Il-GWU tisħaq li fl-ebda ħin, b’xi mod jew ieħor, iddiskutiet, ipproponiet jew talbet li jitnaqqsu xi kundizzjonijiet li qed igawdu preżentament il-ħaddiema. Din hija biss qlajja maħluqa minn min irid ibeżża lill-ħaddiema ta’ din il-kumpanija li ngħaqdu fil-GWU u li l-membru parlamentari Pulicino aċċetta li jirrepeti fil-Parlament mingħajr biss ipprova jivverifika. 

Iżda Pulicino tajjeb li jkun jaf li għal dawn l-aħħar ġimgħat il-GWU kienet għaddejja f’kuntatti mal-amministrazzjoni tal-Wasteserve biex jieqfu abbużi li kienu qed iseħħu minn persuni li fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienu qrib proprju tal-istess George Pullicino meta huwa kien responsabbli mill-istess entità. Il-GWU għandha d-dmir u responsabbilità li tipproteġi u titkellem f’isem il-membri tagħha meta dawn ikunu qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni u intimidazzjoni minħabba l-affilljazzjoni tagħhom fil-GWU. 

Pullicino tajjeb ikun jaf ukoll li uffiċjali tal-unjin li għażel li jiddefendi fil-Parlament, li wħud minnhom għandhom kariga eżekuttiva fl-entità, kienu qed iwettqu kampanja ta’ diskriminazzjoni u intimidazzjoni fuq ir-rappreżentanti u l-ħaddiema membri tal-GWU. Jidher li Pullicino ma jafx li ħaddiema li għażlu li jagħmlu użu mid-dritt kostituzzjonali tagħhom u jissieħbu fil-GWU kienu diskriminati fl-għoti tas-sahra. Jidher ukoll li ma jafx li dawn il-membri kif ukoll rappreżentanti tal-GWU kienu qed jinstabu b’mod individwali u waħedhom fejn uffiċjali fil-manegment u ta’ din il-unjon l-oħra kienu jwettqu intimidazzjoni fuqhom biex jippruvaw ‘jikkonvinċuhom’ joħorġu mill-GWU. Pullicino jippretendi li l-GWU ma tirreaġixxix għal dan kollu u tħalli kollox għaddej!

Il-membru parlamentari George Pullicino tajjeb ikun jaf li kien biss b’intervent tal-GWU li fl-aħħar l-management daħħal proċeduri ta’ kif jaġixxu fuq il-post tax-xogħol ir-rappreżentanti tal-unjins. Sakemm intervjeniet il-GWU kien qed isir abbuż sfaċċat minn dak magħruf bħala ‘union duty’ li ma kien qed iservi għal xejn ħlief biex issir intimidazzjoni fil-konfront tal-membri tal-GWU.

Kien ukoll b’intervent tal-GWU li l-management aċċetta li l-ħatriet u promozzjonijiet fl-entità jsegwu l-prassi adottata fil-kumpaniji kollha u jibdew ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-manager tar-riżorsi umani. Dan biex il-ħatriet u l-promozzjonijiet isiru b’mod ġust mal-impjegati kollha tal-entità. Xi ħaġa li ma kinitx u li kienet qed tagħti lok għall-abbużi u influwenza minn barra mill-istess entità.

Għaldaqstant jidher li l-ħidma li qed tagħmel il-GWU biex ikun aktar kontabilità fl-entità, kif ukoll biex il-ħaddiema membri ta’ liema unijin huma jitħallew jeżerċitaw id-dritt legali u kostituzzjonali ta’ sħubija f’liema unjin iridu qed tħalli l-frott; għaliex min kien qed jabbuża u jintimida mhux qed jitħalla jkompli jagħmel dan. Il-GWU tagħmilha ċara li xejn u ħadd mhu se jaqtalgħa qalbha li tibqa’ taħdem biex il-ħaddiema jkunu trattati b’mod ġust u mhux diskriminatorju.