TOP


GWU

 

Il-GWU tiffirma ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-MATS



12102016

Il-General Workers’ Union u l-Malta Air Traffic Services iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tat-taqsima AIM & Training. Din it-taqsima ġdida tiġbor fiha impjegati li kienu mifruxa f’diversi sezzjonijiet oħra. Grazzi għal dan il-ftehim kollettiv il-ħaddiema gawdew minn żidiet fil-pagi, titjib fil-kundizzjonijiet ġenerali u aġġustament fil-gradi.

Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU Sandro Vella qal li n-negozjati ta’ dan il-ftehim kollettiv kienu impenjattivi, minħabba li diversi sezzjonijiet riedu jkunu assimilati f’taqsima li kienet kompletament ġdida: “Fil-fatt id-diskussjonjiet ħadu fit-tul għaliex ridna nassiguraw li l-proċess ikun wieħed komplut u li jintegra b’mod pożittiv id-diversi gradi. Nemmen li dan il-ftehim, li jkopri bejn l-2013 u l-2019, huwa bażi soda li permezz tiegħu l-ħaddiema u l-MATS ikunu f’pożizzjoni li jsaħħu u jespandu l-operat tagħhom.”
Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella, mix-Shopsteward Jeffrey Mifsud. F’isem il-management iffirmaw iċ-Chairperson tal-MATS Anthony Abela, il-Kap Eżekuttiv l-Inġinier Kenneth Chircop. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm ir-rappreżentanti tal-ħaddiema Jeffrey Cutajar, Nelson Cachia u Norbert Camilleri, kif ukoll il-Kontrollur Finanzjarju Mario J Azzopardi.