TOP


GWU

 

Il-GWU mħassba bil-proposti tal-PN dwar il-ħaddiema tas-settur pubbliku



08102016

 

Il-General Workers’ Union tinsab imħassba bil-proposti għall-baġit tal-Partit Nazzjonalista fejn fihom qed jindika li huwa lest jipprivatizza għadd ta’ servizzi pubbliċi li skont l-istess partit ma jiffurmawx parti servizzi meħtieġa li bihom jigverna. Il-GWU tagħmilha ċara li filwaqt li mhix kontra li l-infieq isir bil-għaqal u li regolamenti ta’ governanza ġusta għandhom dejjem ikunu applikati, dejjem kienet u tibqa’ kontra politika ta’ privatizzazzjoni totali ta’ servizzi u entitajiet tal-poplu.

Għaldaqstant waqt li nhar it-Tlieta, flimkien ma’ msieħba soċjali oħra, se tattendi għal-laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni biex ikunu diskussi dawn l-imsemmija proposti tistenna li l-istess Kap tal-Oppożizzjoni jwieġeb u jgħid ċar x’inhuma l-pjani tal-Partit Nazzjonalista u jgħid liema huma s-servizzi u l-entitajiet li jrid li jkunu pprivatizzati jew imnaqsa u tistaqsi x’konsegwenzi dawn il-proposti se jkollhom fuq dawn il-ħaddiema.
Matul l-laqgħa tat-Tlieta l-GWU se tagħti r-reazzjoni uffiċjali tagħha dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista u se titlob aktar informazzjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-pjani tiegħu għall-uffiċjali pubbliċi u għall-ħaddiema tas-Settur Pubbliku.  
Il-GWU tfakkar li l-privatizazzjonijiet li saru minn gvernijiet fil-passat mhux neċessarjament raw lill-poplu jgawdi minn servizz aħjar jew mingħajr ħlas.
Finalment, il-GWU turi dispjaċir li qed tingħata l-impressjoni li l-ħaddiema tal-gvern huma ta’ piż fuq il-poplu jew li huma żejda.