TOP


GWU

 

Il-GWU tfakkar it-73 anniversarju mit-twaqqif tagħha



05102016

 
Il-General Workers’ Union illum fakkret it-73 anniversarju mit-twaqqif tagħha b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri f’riġlejn il-Monument lill-Ħaddiem fl-Msida. F’messaġġ tal-okkażjoni s-Segretarju Ġenerali Josef Buġeja sejjaħ għall-introduzzjoni ta’ ‘living wage’ li tippermetti lill-ħaddiema jgħixu aħjar u jgawdu mill-benefiċċji li toffri s-soċjetà u l-ekonomija tas-seklu 21. 
 
Il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja
 
 
Jgħaddu kemm jgħaddu snin, il-Jum tal-5 ta’ Ottubru, għalina jibqa’ ġurnata importanti. Mhux biss għaliex jfisser it-twelid tal-General Workers’ Union, iżda wkoll għaliex ra t-twelid ta’ moviment trejdunjonistiku modern li kien miftuħ għall-klassi tal-ħaddiema bid-diversi ħiliet u snajja’ tagħha. Dan għamel mill-GWU moviment soċjali miftuħ li ta spazju biex jimmilitaw fih lil dawk kollha li kellhom għal qalbhom l-ġustizzja soċjali u l-avvanz tal-klassi tal-ħaddiema. 
 
Illum, flimkien ma’ sħabi tal-Amministrazzjoni Ċentrali, is-Segretarji tat-Taqsimiet, l-uffiċjali tal-unions affiljati u r-rappreżentanti tal-ħaddiema nħossni kburi li wara 73 sena ta’ eżistenza għad għandna l-privileġġ li nservu lill-ħaddiema u lis-soċjetà Maltija, li niddefendu u nirrappreżentaw l-interessi tagħhom. 
 
Privileġġ li jitlob minna impenn kontinwu biex fl-ispirtu tal-fundaturi tagħna nibqgħu nagħtu servizz mill-aqwa u professjonali lill-imsieħba tagħna. Il-fundaturi u l-ewwel mexxejja tal-GWU għarfu l-bidla taż-żminijiet u komplew jiftħu l-bibien tagħhom għall-ħaddiema li ġejjin minn setturi diversi tal-ekonomija Maltija. Bħalhom, illum, aħna wkoll qegħdin naħdmu biex il-GWU tirrappreżenta impjegati f’ekonomija b’realtà ġdida tal-era diġitali. 
 
Bħal lum kważi sena ilu meta ġejt approvat bħala Segretarju Ġenerali kont għidt li l-GWU li se tkompli taħdem biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol u li din l-akbar għaqda tal-ħaddiema f’Malta se jkollha rwol ta‘ moviment soċjali. Iddikjarajt li, il-GWU hija lesta li taħdem mal-imsieħba soċjali kollha ma’ kull trade union, ma’ kull għaqda ta’ min iħaddem, ma’ kull organizazzjoni ċivili, ma’ kull partit politiku li juru li lesti li jaħdmu għall-istess għan u twemmin tagħna. 
 
Dan għidtu għaliex dejjem emmint li l-prinċipji u twemmin xellugi tal-GWU jgħinuna biex nagħmlu soċjetà aħjar, aktar solidali, aktar ġusta u aktar responsabbli. 
 
Hekk għamilna tul din l-aħħar sena. U f’diversi okkażjonijiet wettaqna dan l-impenn tagħna. Eżempju ta’ dan huma l-proposti bi sfond soċjali u ekonomiku li ressaqqna lill-Gvern għall-Baġit tal-2017. Proposti mibnija fuq il-ġustizzja soċjali, bil-għan li ntejjbu il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Iddiskutejna ma’ diversi organizzazzjonijiet u għaqdiet għaliex emminna li bħala forza soċjali għandna inkunu hemm biex naħdmu għat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien anke lil hinn minn fuq il-postijiet tax-xogħol. 
 
Qatt daqs illum m’hu l-mument opportun li niksbu t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħna, hekk kif ilkoll qed nassistu għas-suċċess ekonomiku b’saħħtu li qed jikseb pajjiżna. 
 
Dan is-suċċess ekonomiku iżda jgħabbina bir-responsabbiltà li naraw li ntejbu l-livell ta’ għajxien taċ-ċittadini tagħna, mhux biss mill-aspett finanzjarju iżda anke mill-aspett soċjali. Bħala GWU nemmnu li l-ekonomija għandha tgħin lill-ħaddiem biex jgħix, u mhux bil-kontra fejn il-ħaddiem jgħix biex jaħdem. 
 
Tul it-73 sena ta’ storja tagħna, il-General Workers’ Union kienet il-protagonista ewlenija fil-moviment trejdunjonistiku biex introduċiet kunċetti ġodda u tejbet il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin. Rajna x’kien qed iseħħ fil-pajjiżi ta’ madwarna. Analizzajna r-realtà ekonomika Maltija ta’ dak il-perjodu u ressaqna t-tibdil meħtieġ biex il-ħaddiem jibda jgħix b’mod diċenti. 
 
Illum iż-żminijiet qed jitolbu minna li mill-ġdid nressqu proposti li jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jnaqqsu r-riskju li ħafna familji jistgħu jispiċċaw f’riskju ta’ faqar. Għalhekk mill-ġdid intennu li wasal iż-żmien li pajjiżna jistudja u jikkunsidra l-introduzzjoni ta’ ’Living Wage’ li kontinwament tkun aġġustata biex verament il-ħaddiema tagħna u l-familji tagħhom ikollhom l-opportunità li jgħixu aħjar u jgawdu mill-benefiċċji li toffri s-soċjetà u l-ekonomija tas-seklu 21… lil hinn mill-periklu li jispiċċaw fil-faqar. Nemmnu li din il-proposta għandha ssib l-appoġġ tal-forzi soċjali kollha f’pajjiżna.
 
Fl-aħħar mill-aħħar, illum fl-okkażjoni ta’ Jum il-GWU mill-ġdid intennu l-impenn tagħna, li kif għamilna tul dawn it-73 sena, inkomplu naħdmu kontra l-isfruttament u l-abbuż tal-ħaddiema. Mhuwiex aktar aċċettabbli li f’soċjetà demokratika u moderna jibqa’ jkun hemm min jipprova jagħmel il-profit minn fuq dahar il-ħaddiema.