TOP


GWU

 

Il-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon l-investiment f’Malta minn Crane Currency



21092016

Il-General Workers’ Union tilqa’ b’sodisfazzjon it-tħabbira uffiċjali mill-Prim Ministru Joseph Muscat tal-investiment ta’ $100 miljun f’Malta mill-kumpanija Amerikana Crane Currency. Investiment li se jfisser aktar minn 200 impjieg, li potenzjalment jitilgħu għal 300, u xogħol ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin. 

Il-ftuħ ta’ din il-kumpanija f’Malta huwa wkoll konferma tal-kapaċitajiet li għandu pajjiżna biex jattira kumpaniji tal-manifattura avvanzata, kif ukoll l-għarfien tal-potenzjal li għandhom il-ħaddiema Maltin f‘dan is-settur industrijali partikolari.

Fil-fatt il-kapaċitajiet ta’ pajjiżna, il-klima industrijali kif ukoll il-potenzjal tal-ħaddiema Maltin dejjem kienu fuq l-aġenda tal-GWU tul id-diskussjonijiet li hija kellha fix-xhur li għaddew mat-tmexxija ta’ Crane Currency.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jistqar li l-ħidma li wettqet il-Union, biex dan l-investiment iseħħ f’pajjiżna, huwa turija tal-impenn li l-GWU dejjem kellha bil-għan li ttejjeb il-livell tal-għajxien tal-ħaddiema: “Il-ħidma tal-GWU qatt ma kienet limitata biss għall-postijiet tax-xogħol li fihom għandha rappreżentanza, iżda hija impenjata biex tagħmel dak kollu possibbli ħalli aktar industriji jersqu lejn pajjiżna u jipprovdu impjiegi għaċ-ċittadini tagħha. Dan għamilnieh fl-imgħoddi, qegħdin nagħmluh fil-preżent u nibqgħu impenjati li nagħmlu l-istess għall-ġejjieni.”

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja jistqarr li wara li l-GWU kienet infurmat bir-ristruttura fid-De La Rue l-Union immedjatament bdiet ħidma biex jinstabu impjiegi alternattivi għal ħaddiema milquta.

Itenni li wara kuntatti inizzjali mas-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin saru numru ta’ laqgħat ta’ diskussjoni f’Malta bejn il-GWU immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u mis-Segretarju tat-Taqsima David Darmanin mat-tmexxija għolja ta’ Crane Currency. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq ir-relazzjonijiet industrijali f’Malta, il-kundizzjonijiet tal-impjiegi fid-diversi postijiet tax-xogħol, il-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin u l-infrastruttura ġenerali relata mad-dinja tax-xogħol.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja jirringrazzja lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Industriji Żgħar Chris Cardona u liċ-Chief of Staff fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri għall-ħidma u impenn tagħhom biex dan l-investiment seta’ jseħħ f’pajjiżna.

Itenni li l-GWU hija kommessa li tagħti l-għajnuna kollha tagħha lill-Gvern biex dan l-investiment isir realtà u biex Crane Currency tkompli tespandi l-operat tagħha f’pajjiżna għal ġid tal-ħaddiema Maltin.