TOP


GWU

 

Il-GWU tappoġġja l-petizzjoni tal-MUT bl-isem ta’ United for A More Humane Justice System?



15092016

Il-General Workers’ Union qed tappoġġja lill-MUT fil-kampanja tagħha biex titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji li jiffaċċjaw il-ħaddiema li xogħlhom hu f’kuntatt dirett man-nies u tfal. Riskji li fost affarijiet oħra jinkludu rapporti foloz dwar l-atteġġament u ħidmiethom.  Din il-petizzjoni indirizzata lill-Onor. Prim Ministru, lill-Onor. Kap tal-Opposizzjoni u l-Onor. Ministru tal-Gustizzja, hija spirata minn każ ta’ LSA, Karen Mercieca, fejn wara li ġiet illiberata mill-Qorti issa qed tiffaċċja Appell intavolat mill-Avukat Ġenerali. Dan wara li l-Qorti Kriminali osservat fuq il-każ imġebbed li kienet qed tipprova tagħmel il-Prosekuzzjoni. Issa li ġie intavolat l-Appell, il-proċeduri qegħdin jitkomplew b’differimenti twal għad-detriment tal-persuna konċernata.

Il-GWU bħal l-MUT temmen bis-sħiħ li l-ħaddiema kollha, l-aktar dawk li jaħdmu mat-tfal jew f’kuntatt dirett man-nies, huma f’riskju ta’ rapporti foloz u għalhekk hemm bżonn li jkollhom hemm qafas leġiżlattiv li jipproteġihom u li jassigura ġustizzja fil-ħin. Permezz ta’ din il-Petizzjoni qed jintalab li għandu jkun hemm sistema li: (1) tassigura li każ sensittivi bħal dawn ikunu konklużi fi żminijiet raġonevoli li ma jkunux detrimentali għas-saħħa tal-persuna u l-familja tagħha; (2) tassigura li l-każ ikun ittratat b’mod ħolistiku b’tali mod li s-sentenza tistabilixxi jekk għandux ikun hemm kumpens biex jiġi evitat il-bżonn li l-persuna jkollha terġa’ tiftaħ każ ieħor għall-kumpens biex titwettaq ġustizzja.

Għaldaqstant, il-GWU qed tappoġġja din il-petizzjoni u tħeġġeġ lill-membri tagħha biex jiffirmawha online fl-interess tal-ħaddiema u ċ-ċittadini kollha. Il-petizzjoni tista’ tiġi aċċessata online b’dan il-link: https://www.change.org/p/prime-minister-of-malta-dr-joseph-muscat-united-for-a-more-humane-justice-system?recruiter=388531836@utm_source=petitions_show_components_action_panel_wrapper@utm_medium=copylink