TOP


GWU

 

Ftehim bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-GWU dwar il-PPPs fil-qasam tas-saħħa



22082016

Hekk kif għaddej il-proċess biex l-isptarijiet ta' San Luqa, dak ta' Karen Grech u l-Isptar t'Għawdex ikunu mmexxija bejn il-Gvern u l-privat, issa l-ħaddiema kollha f'dawn l-isptarijiet għandhom rashom mistrieħa li se jibqgħu fuq il-kotba tal-Gvern bl-istess kundizzjonijiet li għandhom illum. 

Dan bis-saħħa ta' ftehim li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-General Workers Union (GWU), liema ftehim qed jiggarantixxi li s-saħħa se tibqa' sostenibbli u bla ħlas. Dan iddikjarah is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU), Josef Bugeja, ftit wara li ġie ffirmat il-ftehim, liema ftehim ġie ffirmat bejn il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.
Dan il-ftehim jiggarantixxi fost l-oħrajn li l-ħaddiema f’dawn l-isptarijiet se jibqgħu ħaddiema tal-Gvern u bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom illum skont il-Public Management Service Code, kif ukoll skont il-ftehim kollettiv u settorali eżistenti.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li permezz ta’ dan il-ftehim, il-GWU assigurat li dak li nikiseb bil-ftehim kollettiv iffirmat f’isem il-ħaddiema li tirrapreżenta se jibqa’ fis-seħħ, inklużi, leave, sick leave, uniformijiet u miżuri favur il-familja. Barra minn hekk f’dan il-ftehim kien ukoll garantit id-dritt ta’ diskussjoni u konsultazzjoni mal-GWU fejn jidħlu kundizzjonijiet tal-gradi ta’ ħaddiema li hija tirrapreżenta.
Huwa saħaq li l-GWU rat dan il-ftehim fil-kuntest wiesgħa tiegħu. “Bħala sieħeb soċjali ewlieni, rajna li dan il-ftehim jissalvagwardja l-interessi kollha tal-ħaddiema - li se jibqgħu ħaddiema tal-Gvern, u qed niggarantixxu li s-saħħa mhux biss tibqa’ sostenibbli u b’xejn, imma qed ngħollu l-livell tagħha. B’hekk inkunu qed ngħollu l-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà Maltija u taċ-ċittadini Maltin b’servizz tas-saħħa aqwa minn dak li għandna llum.” 
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU żied jgħid li l-ħaddiem se jkun qed igawdi wkoll minn taħriġ estensiv biex b’hekk jgħolli l-livell akkademiku tiegħu. “Dawn il-ħaddiema jixirqilhom li jkollhom l-aqwa taħriġ u mhux biss garanzija tal-impjieg imma garanzija twila fil-mod kif jistgħu jiżviluppaw.”