TOP


GWU

 

Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza



12082016

Il-General Workers’ Union (GWU) u l-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza firmaw ftehiom kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ din l-istituzzjoni, li permezz tiegħu qed ikunu mtejba kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll il-pagi tagħhom.

Is-Segretarju tat-Taqsima Finanzi, Professjonisti u Servizzi tal-GWU Charles Galea qal li waqt id-diskussjonijiet ta’ dan il-ftehim kollettiv, li jkopri l-2015 – 2019, il-Union dejjem żammet quddiem għajnejha l-ħidma u l-impenn soċjali li twettaq din id-dar f’pajjiżna, il-kenn u l-kura li toffri lir-residenti tagħha: “Kien pass pożittiv ħafna li t-Taqsima rnexxielha tasal għal ftehim kollettiv fejn kulħadd kien konxju mill-ħtiġiet tal-partijiet involuti. Nemmnu li grazzi għat-titjib fil-benefiċċji u kundizzjonijiet miksub il-ħaddiema se jkomplu jtejbu s-servizzi tagħhom f’din id-dar.”
Min-naħa tiegħu d-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef irringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fin-negozjar tat-tieni Ftehim Kollettiv li sar f’atmosfera ta’ rispett reċiproku u b’xewqa li jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Provdienza.
Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Charles Galea, mill-assistant Segretarju Pawlu Micallef u mix-Shopsteward Frans Micallef. F’isem l-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza ffirmaw id-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef u Nadine Camilleri Cassano Amministratur.