TOP


GWU

 

Il-GWU tirreġistra tilwima industrijali fis-settur tal-Gwardjani Lokali



22062016

 

Il-General Workers’ Union irreġistrat tilwima industrijali fis-settur tal-Gwardjani Lokali wara li ġew imposti ħinijiet tax-xogħol ġodda u fallew it-taħdidiet dwar pagi għall-ħaddiema involuti. Kawża ta’ dan il-GWU kellha tiddikjara tilwima industrijali biex tħares l-interessi tal-imsieħba tagħha.

Il-GWU ilha għal dawn l-aħħar xhur tiddiskuti mal-kumpanija u l-Local Enforcement System Agency kemm pagi u kundizzjonijiet aħjar. Il-GWU f’dawn il-laqgħat dejjem talbet li l-Gwardjani Lokali jkollhom paga li ma tkunx inqas minn dik stabbilita għall-ħaddiema fis-settur tas-sigurtà. Liema paga hija marbuta ma’ skala 16 tal-pagi tal-Gvern. Din it-talba ma kinitx milqugħa la mill-kumpanija u lanqas mill-LESA li llum hija l-awtorità nazzjonali li tirregola l-operat tal-Gwardjani Lokali. Barra hekk il-GWU qegħda titlob li jkunu riveduti l-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f’dan is-settur wara li dawn il-ħinijiet kienu imposti mingħajr ebda konsultazzjoni mill-istess LESA.

Il-GWU tistqarr li minkejja l-wegħdi għal riforma fl-infurzar lokali sa issa l-ħaddiema baqgħu mgħobbija bl-istess kundizzjonijiet u problemi li kellhom qabel.

Il-Union temmen li wasal iż-żmien li jkun hemm reviżjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema biex mhux biss jirriflettu ir-realtjiet tax-xogħol tagħhom iżda wkoll biex jingħataw id-dinjità li jistħoqqilhom.

Il-GWU mhux teskludi li tibda bl-azzjonijiet industrijali.