TOP


GWU

 

Il-GWU se tibqa’ taħdem għal proċess ta’ integrazzjoni li jagħti dinjità



20062016

Fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Refuġjati l-General Workers’ Union tiddikjara li se tibqa’ taħdem biex fuq livell lokali u anke fuq dak Ewropew jibda proċess ta’ integrazzjoni maħsub biex jagħti dinjità lil dawk li qed ifittxu ġejjieni aħjar fostna. L-integrazzjoni hija ta’ benefiċċju kemm għar-refuġjati nfushom kif ukoll għas-soċjetà Maltija u Ewropea. Biss dan il-proċess ta’ integrazzjoni għandu jwassal ukoll biex ir-refuġjati u l-immigranti jgħarfu jadattaw ruħhom u jagħmlu tagħhom il-valuri, il-prinċipji u l-kultura Maltija u Ewropea.

F’dikjarazzjoni approvata fi tmiem laqgħa organizzata mill-Konfederazzjoni tat-Trejdunjins Ewropej (ETUC) f’Ruma, li għaliha attendew mexxejja u uffiċjali ta’ trejdunjins minn 22 pajjiż fosthom is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, it-trejdunjins talbu għall-koperazzjoni ġenwina fost l-istati membri f’dak li għandu x’jaqsam rilokazzjoni ta’ immigranti u refuġjati u mhux li jgħalqu l-bibien tagħhom. 

It-trejdunjins Ewropej appellaw lill-Unjoni Ewropea biex: talloka aktar fondi lill-pajjiżi li qed jilqgħu fi ħdanhom l-immigranti u refuġjati; tiftaħ rotot uffiċjali u legali biex dawk li qed ifittxu rifuġju fl-Ewropa jkunu jistgħu jgħamlu dan; li l-UE tieqaf tagħti flus lit-Turkija għaliex din qed taħrab mill-obbligi internazzjonali tagħha; tidħol fis-seħħ politika ta’ integrazzjoni għall-immigranti u refuġjati fid-dinja tax-xogħol li tiggarantixxi l-istess ħlas u kundizzjonijiet tax-xogħol bħal tal-ħaddiema lokali; kif ukoll li jsir investiment fis-servizzi pubbliċi u fit-tkabbir ekonomiku li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-popli Ewropej kif ukoll għall-immigranti u refuġjati. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’diskors waqt l-imsemmija konferenza appella biex il-kriżi ta’ refuġjati tkun iffaċjata b’mod kordinat fuq livell Ewropew u mhux mitluqa f’idejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi membri tal-UE: “Ir-riżultat ta’ dan huwa l-bini ta’ ħitan bejn il-pajjiżi msieħba. Dan mhuwiex il-mod ġust kif wieħed jiffaċċja din il-problema.”

Tenna li l-moviment trejdunjonista Malti u Ewropew għandu jipprattika dak li jemmen fih u jagħti s-solidarjetà tiegħu ma’ dawn il-persuni. Il-moviment trejdunjonista ma jistax iħalli lil dawn il-persuni jispiċċaw vittmi ta’ kriminalità organizzata jew li jispiċċaw sfruttati, b’kundizzjonijiet prekarji, fid-dinja tax-xogħol.

Il-GWU temmen li dawk il-persuni li rnexxielhom jeħilsuha minn ħalq il-mewt u ma spiċċawx għerqu maqbuda fil-bċejjeċ tal-baħar, għandna naraw li jkunu integrati fl-ekonomija Maltija u Ewropea billi jkunu stmati bil-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs fl-istess post tax-xogħol. Jekk dan ma jseħħx tkun qed tinħoloq mewġa ġdida ta’ ħaddiema prekarji li maż-żmien se jherru l-qawmien ekonomiku.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jisħaq li huwa f’mument bħal dan li l-Unjoni Ewropea għandha turi l-valuri tagħha u mhux tħalli li jinħattu l-kisbiet tal-imgħoddi bħal ma huwa l-moviment ħieles tal-popli Ewropej fil-konfini tal-Unjoni.