TOP


GWU

 

Il-GWU u l-For.U.M. jaqblu mar-Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ippostjar tal-Ħaddiema



18062016

Il-General Workers Union (GWU) flimkien mal-Forum Unions Maltin (For.U.M.) jaqblu mar-reviżjoni tad-direttiva Ewropea dwar l-ippostjar tal-ħaddiema li tirregola l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema li jintbagħtu jaħdmu f’pajjiż ieħor ġewwa l-istess Unjoni. Il-GWU u l-For.U.M., flimkien mal-konfederazzjonijiet tat-trejdunjins fl-Olanda u s-Slovakkja li matul is-sena d-dieħla flimkien ma’ Malta se jassumu l-presidenza tal-UE, jagħmluha ċara li jemmnu fil-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs fl-istess post tax-xogħol. Jemmnu li dan il-prinċipju għandu jkun dak li jirregola l-moviment ħieles ta’ ħaddiema fl-istess UE.
 
F’ittra lill-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol, Affarijiet Soċjali, Ħiliet u Mobiltà tax-Xogħol Marianne Thyssen, il-GWU, il-For.U.M. flimkien ma’ FNV, CNV, VCP, KOZ u SR esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li l-Kummissarju Ewropew qed titlob għal reviżjoni ta’ din id-direttiva Ewropea. Qed iqisu din it-talba bħala pass fid-direzzjoni t-tajba speċjalment għaliex mill-ġdid, fuq livell politiku Ewropew, bl-aktar mod wiesa’ qed tkun diskussa l-protezzjoni tas-salarji tal-ħaddiema.
 
Għaldaqstant, il-GWU u l-For.U.M. flimkien mal-konfederazzjonijiet tal-ħaddiema Olandiżi u Slovakki, ħeġġew lill-Kummissarju Ewropew Thyssen biex tibqa’ ssostni l-proposti tagħha għar-reviżjoni tad-direttiva Ewropea u fl-istess waqt tagħti spazju biex ikun hemm diskussjoni demokratika dwar il-ħtieġa ta’ din ir-reviżjoni. Il-unjins ħeġġew lill-Kummissarju Thyssen biex tibqa’ għaddejja bl-insistenza tagħha minkejja li ħdax-il pajjiż msieħeb fl-Unjoni Ewropea – Estonja, Ungerija, Slovakja, Bulgarija, Kroazja, Republika Ċeka, Danimarka, Latvja, Litwanja, Polonja u Rumanija - qegħdin iżommu milli din ir-reviżjoni sseħħ.
 
Il-GWU u l-For.U.M. isostnu li huwa meħtieġ li l-proċess ta’ diskussjoni dwar din ir-reviżjoni tant meħtieġa jibda fl-immedjat għaliex ma jistax ikun hemm ħaddiema u ċittadini Ewropej tat-tieni klassi. Dawn il-ħaddiema għandhom jirċievu l-ħlas ġust li jistħoqqilhom skont il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs fl-istess post tax-xogħol.