TOP


GWU

 

Il-qtil ta' Jo Cox huwa att ta’ mibgħeda



17062016

Il-General Workers’ Union filwaqt li turi s-sogħba tagħha għall-qtil kiesaħ u biered tad-deputat parlamentari Laburista Ingliża Jo Cox, tqis dan l-qtil bħala att ta’ mibgħeda kontra dawk il-persuni li jagħmlu minn ħajjithom missjoni li jgħinu lill-batut u l-emarġinat. Fi żminijiet fejn l-inugwaljanza soċjali qed tikber u fejn il-biżgħa minn dak li hu differenti qed tiżdied dan il-qtil huwa tfakkira li lkoll irridu naħdmu għal Ewropa u soċjetà aktar ġusta.

Il-GWU filwaqt li tagħti l-kondoljanzi tagħha lill-familja Cox u lill-Partit Laburista Ingliż għat-telfa li ġarrbu bil-qtil tad-deputat parlamentari Jo Cox, tappella lill-forzi progressivi Ewropej biex jaħdmu flimkien favur il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. B’hekk biss iseħħ il-ħelsien mill-faqar u l-isfruttament tal-klassi tal-ħaddiema. It-tmiem tal-inġustizzji jagħlaq l-għajn li minnha jgħixu l-movimenti estremi li jiżirgħu l-firda u l-mibgħeda.

Fil-memorja ta’ ħafna Jo Cox se tibqa’ eżempju ta’ impenn kontinwu li lkoll flimkien iridu inwettqu biex verament nirrappreżentaw il-poplu u lill-ħaddiema fil-mixja tagħhom għal għajxien ġust.