TOP


GWU

 

s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja jindirizza l-105 Sessjoni tal-International Labour Conference



07062016

 

 

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja waqt li llum wara nofsinhar indirizza l-105 Sessjoni tal-International Labour Conference, li qed tiltaqa’ f’Ġinevra, iddeskriva l-faqar bħala sfida universali u tkellem dwar l-impenn dejjem jikber bejn il-Gvern Malti u s-sħab soċjali biex isir dak kollu li hemm bżonn ħalli jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol taċ-ċittadini kollha, b'attenzjoni partikolari lil dawk li qed jgħixu fil-faqar u dawk li jinsabu f'riskju ta' faqar. 

F’din il-konferenza annwali jitlaqgħu flimkien rappreżentanti tal-Gvernijiet, tal-Ħaddiema u ta’ Min Iħaddem. F’din il-konferenza s-Segretarju Ġenerali tal-GWU qed jirrappreżenta lil ħaddiema kollha Maltin. 

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, is-Sur Bugeja semma d-Dikjarazzjoni dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta li kienet ġiet adottata unanimament mill-Organizzazzjoni Dinija tax-Xogħol fl-2008. Din id-dikjarazzjoni fasslet diversi miri li l-għan tagħhom kien li l-globalizzazzjoni tingħata dimensjoni soċjali b'saħħitha, biex kulħadd ikollu għajxien diċenti msejjes fuq l-Aġenda tax-Xogħol Diċenti.

Il-konferenza internazzjonali ta' din is-sena dwar ix-xogħol għandha l-għan li tevalwa l-impatt ta' dik id-dikjarazzjoni u tfassal it-triq 'il quddiem fid-distruzzjoni permanenti tal-faqar globali.

L-implimentazzjoni ta' din l-aġenda toffri sfida kumplessa iżda wkoll opportunità unika biex tiddefinixxi mill-ġdid u ssaħħaħ il-mod kif il-komunità globali taħdem id f'id. Din l-isfida tista' tingħeleb biss permezz tad-djalogu soċjali fost l-istakeholders kollha fuq kif jistgħu jiġu implimentati l-għanijiet dwar l-iżvilupp soċjali elenkati fid-dikjarazzjoni, qal is-Sur Bugeja.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet fuq livell nazzjonali, hemm bżonn qafas ta' istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet ta' sħab soċjali, liġijiet b'saħħithom dwar ix-xogħol, kif ukoll kultura qawwija ta' djalogu soċjali. Xogħol diċenti, flimkien mal-progress soċjali, huwa fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, il-paċi u l-prosperità.

Għall-istati nazzjonali, din id-dikjarazzjoni tfisser ir-ratifikazzjoni u r-rispett lejn il-konvenzjonijiet tal-ILO, inkluż id-dritt li wieħed jinnegozja u jistrajkja u r-rikonoxximent tad-djalogu soċjali bħala parti essenzjali mill-forma demokratika ta' gvern.

Għall-moviment trejdunjonistiku dan ifisser id-difiża u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tad-drittijiet tal-ħaddiema, iżda wkoll aġir responsabbli fid-dawl tal-iżvilupp ġenerali tal-ħaddiema, tal-kumpaniji u tas-soċjetà.

Għal min iħaddem, ifisser li dawn id-drittijiet jiġu rispettati fil-prattika, li wieħed jaċċetta r-responsabbiltà soċjali tiegħu u jkun imħejji biex ma jħallix il-profitti jirkbu fuq it-tmien għanijiet għall-iżvilupp soċjali mfassla fid-dikjarazzjoni.

Is-Sur Bugeja qal li l-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tiġbor l-aspirazzjonijiet tan-nies fil-ħajja tax-xogħol tagħhom. Tinvolvi aċċess għall-edukazzjoni tul il-ħajja, opportunitajiet produttivi għax-xogħol, u dħul ġust imsejjes fuq kundizzjonijiet tax-xogħol rispettabbli.

Il-kelliem żied jgħid li madankollu, waqt li wieħed japprezza l-isforzi li qed isiru biex il-faqar globali jinġieb għall-attenzjoni tal-komunità internazzjonali, huwa ta' diqa li wieħed jinnota li fl-ekenomiji li għadhom qed jiżviluppa, aktar minn biljun ħaddiem kienu qed jgħixu f'faqar estrem jew kważi fil-faqar fl-2015.

Fl-ekonomiji avvanzati, l-għadd ta' nies li jgħixu f'faqar assolut żdied b'punt perċentwali bejn l-2007 u l-2011. Fil-pajjiżi l-aktar affettwati mill-kriżi finanzjarja u l-policies adottati biex tingħeleb, ir-rati tal-faqar irdoppjaw.

Dan kollu, kompla s-Sur Bugeja, jagħmel lill-faqar sfida universali, aktar u aktar billi l-faqar marbut mad-dħul hu relatat ma' espressjonijiet oħra ta' faqar u jżid ir-riskju ta' għajxien perikoluż għas-saħħa u kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol.

Is-Sur Bugeja kompla jgħid li fix-xena Maltija, id-djalogu soċjali huwa b'saħħtu u vibranti. Is-sħab soċjali huma involuti fl-iżvilupp tal-policies nazzjonali. “Qed nesperjenzaw tkabbir ekonomiku bla preċedent. Il-Gvern implimenta b'suċċess għadd ta' policies immirati lejn żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa u lejn motivazzjoni minn nies bla impjieg biex jidġlu fis-suq tax-xogħol. Dawn jinkludu faċilitajiet b'xejn ta' ħarsien tat-tfal, in work benefits u inċentivi għall-ħolqien tal-impjiegi. Fil-fatt, skond l-istatistika, ir-rata tal-qgħad f'Malta tinsab fl-aktar livell baxx mill-1980 'l hawn,” qal Josef Bugeja.

Semma kif barra minn hekk, biex jingħeleb il-faqar, il-Gvern implimenta diversi inizjattivi biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-pensjonanti, fosthom żieda fil-pensjonijiet. Il-Gverm stieden ukoll lis-sħab soċjali biex jiddiskutu l-paga minima nazzjonali.

Il-kelliem qal li l-GWU tieħu l-faqar b'serjetà kbira u qatt ma waqfet fl-isforzi tagħha biex tipprova tikkonvinċi lill-gvernijiet suċċessivi ta' Malta li jaraw li ma jibqax ikun hemm xogħol mhux imħallas kif suppost u kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u indiċenti.

Filwaqt li rrikonoxxa li għad hemm diversi ostakli x'jingħelbu fil-ġlieda kontra l-prekarjat, il-kelliem qal li hu ta' sodisfazzjon li wieħed jinnota l-miżuri leġiżlattivi li ttieħdu mill-Gvern fuq proposti tal-GWU, bl-għan li titrażżan l-esplojtazzjoni tal-ħaddiem u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema f'sub-contracting agencies.

Dan, qal is-Sur Bugeja, jixhed l-impenn dejjem jikber bejn il-Gvern Malti u s-sħab soċjali biex isir dak kollu li hemm bżonn ħalli jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol taċ-ċittadini kollha, b'attenzjoni partikolari lil dawk li qed jgħixu fil-faqar u dawk li jinsabu f'riskju ta' faqar.