TOP


GWU

 

Diskussa kollaborazzjoni bejn il-GWU u l-MDA



14052016




Il-kollaborazzjoni fuq l-oqsma tat-taħriġ, drittijiet u dmirijiet tal-ħaddiema kif ukoll is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol kienet diskussa f’laqgħa introduttorja bejn il-General Workers’ Union u l-Malta Developers Association. Din il-kollaborazzjoni tidħol fil-ħsieb tal-GWU li l-imsieħba tagħha u l-ħaddiema jkomplu jitħarrġu kemm fis-sengħa u l-karriera preżenti tagħhom, kif ukoll f’aspetti oħra relatati mad-dinja tax-xogħol. 

Hekk kif pajjiżna qed jara titjib fl-industrija tal-kostruzzjoni l-kollaborazzjoni bejn il-GWU u l-MDA hija meħtieġa minħabba li din l-industrija qed tħares lejn aktar impjiegi ta’ ħaddiema biex issostni l-iżvilupp tagħha. Għaldaqstant bħala parti mill-impenji tal-GWU u tal-MDA li jaħdmu ħalli mhux biss jinkisbu u jissaħħu d-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema, iżda anke jibda jkollna impjegati b’taħriġ ta’ kwalità u konxji mis-saħħa u sigurtà – inkluż fl-industrija tal-kostruzzjoni – il-laqgħa serviet biex iż-żewġ naħat jesprimu l-ħsibijiet tagħhom dwar is-settur. 

Għaldaqstant din il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ għaqdiet għandha tgħin biex il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni jingħataw it-taħriġ meħtieġ kemm dwar is-sengħa kif ukoll dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fl-isfond tal-introduzzjoni tal-iSkill Card, aktar kmieni din is-sena, mill-Building Industry Consultative Council (BICC). 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet għandha tħalli effett pożittiv fuq il-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-ħaddiema, kif ukoll twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet u l-kwalità tal-impjieg tagħhom. 

Min-naħa tiegħu l-President tal-Malta Developers Association, Sandro Chetcuti, qal li l-ħsieb ta’ din il-laqgħa kien li l-MDA li tirrappreżenta lill-iżviluppaturi u kuntratturi ewlenin f’Malta u l-GWU – bħala l-akbar għaqda tal-ħaddiema – jilħqu ftehim dwar il-mod ta’ kif ikunu protetti l-interessi tas-sidien u tal-ħaddiema f’dan is-settur, kif ukoll li flimkien ssir ħidma biex l-industrija tikseb standards dejjem ogħla. 

Għal din il-laqgħa s-Segretarju Ġenerali kien akkumpanjat mid-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, filwaqt li min-naħa tal-MDA kienu preżenti l-membri kollha tal-kunsill amministrattiv.