TOP


GWU

 

Rebħa għall-ħaddiema Maltin u Ewropej



13052016

 
Il-General Workers’ Union tilqa’ b’sodisfazzjon it-tħabbira mill-Kummissjoni Ewropea li qed tintroduċi limitu ta’ kemm il-ħaddiema jkunu esposti għall-kimiċi użati fix-xogħol tagħhom. Liema kimiċi huma magħrufa li jikkawżaw il-kanċer. Il-limiti ta’ espożizzjoni ġew imposti mill-KE fuq 13-il tip ta’ sustanzi kanċeroġini. 
Il-GWU flimkien mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejd Unjins (ETUC) tgħid li għalkemm il-KE ilha aktar minn 12-il sena biex toħroġ bid-deċiżjoni tagħha dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li iżda ma jeliminax l-obbligu minn fuq min iħaddem biex ifittex alternattivi għall-kimiċi tossiċi li juża. 
Din l-aħbar waslet ftit tal-ġimgħat wara li l-istess ETUC u l-għaqdiet tal-ħaddiema affiljati magħha għamlu pressjoni fuq il-KE biex tippubblika dawn il-limiti. Tajjeb jingħad li ta’ kull sena fl-Unjoni Ewropea hu stmat li jmutu madwar 100,000 ħaddiem bil-marda tal-kanċer li tkun ikkawżata minn espożizzjoni żejda għall-kimiċi tossiċi. 
Għaldaqstant il-GWU tistenna li l-KE tieħu passi ulterjuri biex aktar tipi ta’ kimiċi jkollhom imposti fuqhom limiti ta’ espożizzjoni. Il-GWU tappella wkoll lill-Gvern Malti u lill-Awtorità Maltija għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol biex jaraw li dawn il-limiti jkunu osservati u li s-saħħa tal-ħaddiema tkun protetta anke billi l-industrija tintalab issib alternattivi għal dawn il-kimiċi tossiċi.