TOP


GWU

 

CPITA taffilja ruħha mal-GWU



09052016

Il-General Workers’ Union kompliet tkabbar id-diversità ta’ kategoriji ta’ ħaddiema f’firxa ta’ xogħol u servizzi li tirrappreżenta hekk kif fil-jiem li għaddew affiljat fi ħdanha l-Asoċjazzjoni tal-Interpreti u Tradutturi tal-Qorti u Pulizija (CPITA). 

Din l-affiljazzjoni seħħet hekk kif l-Assoċjazzjoni bdiet taħdem biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema li joffru servizz professjonali, kemm lill-Qrati u Korp tal-Pulizija, kif ukoll lill-sptarijiet u aġenziji governattivi meta jkun hemm ħtieġa li tkun faċilitata l-komunikazzjoni ma’ persuni barranin. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jistqarr li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni huwa pass ieħor fit-trasformazzjoni tal-GWU fejn qed tiftaħ il-bibien u toffri l-għajnuna u servizzi lill-għaqdiet li tradizzjonalment ma jiffurmawx parti mill-ħidma trejdunjonistika tagħha. Saħaq iżda, li bħala GWU temmen li flimkien mal-assoċjazzjoni affiljata magħha tista‘ ttejjeb is-servizz li huwa offrut lill-imsieħba kif ukoll tgħin biex il-CPITA-GWU tikber bħal ma sar bl-affiljazzjoni tal-unjin tal-Pulizija, Armata u tal-Uffiċjali Korrettivi. Is-Segretarju Ġenerali tenna li din l-affiljazzjoni se tgħin fil-ħidma u l-involviment tal-GWU fl-isfera soċjali ħalli tkompli taħdem u ttejjeb l-għajxien tal-ħaddiema. 

Il-President tal-CPITA-GWU Dr Anthony Licari jisħaq li nħass li kien wasal iż-żmien għal din l-affiljazzjoni minħabba li ċ-ċirkostanzi u n-natura tax-xogħol huma għaddejjin minn perjodu inċert. Qal li l-iskop tal-ftehim ta’ affiljazzjoni mhuwiex biss li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-imsieħba biss, iżda anke li jkun hemm titjib fil-mod kif jitwettaq ix-xogħol tal-interpreti u tradutturi mad-diversi setturi u organizzazzjonijiet. Dr Licari saħaq li din l-affiljazzjoni se twasal biex jitjieb ix-xogħol u l-livell professjonali tal-imsieħba kif ukoll is-servizz offrut mill-CPITA-GWU.

Fil-fatt diġà kienet iffissata laqgħa mal-ministru konċernat biex il-CPITA-GWU tressaq l-proposti tagħha għal titjib fis-servizz.