TOP


GWU

 

Il-GWU u l-POU jirringrazzjaw lill-eks kummissarju Michael Cassar għax-xogħol li wettaq



28042016

Il-General Workers’ Union flimkien mal-unjin tal-pulizija affiljata magħha l-Police Officers’ Union jirringrazzjaw lill-eks kummissarju tal-pulizija Michael Cassar għax-xogħol li wettaq għall-Korp tal-Pulizija tul iż-żmien li dam jokkupa din il-kariga. Żmien li fih ra d-dħul fis-seħħ u l-implimentazzjoni tal-liġi li tagħti d-dritt lill-membri tal-Korp jissieħbu f’unjin tal-għażla tagħhom. 

Il-GWU u l-POU jifhmu li din kienet sfida kbira għall-Korp u anke għall-eks kummissarju Michael Cassar għaliex kienet titlob bidla fil-proċeduri ta’ kif ikunu trattati materji ta’ riżorsi umani. Kienet sfida ukoll għall-GWU u l-POU li riedu jifhmu kif dan id-dritt seta’ jibda jitħaddem u jagħti l-frott f’istituzzjoni li sa mit-twaqqif tagħha ma kinitx tħalli lok għal rappreżentanta trejdunjonistika. 

Minkejja dawn id-diffikultajiet il-GWU u l-POU jħossu li nbniet relazzjoni tajba ta’ xogħol mal-eks kummissarju Cassar u l-Korp tal-Pulizija, li tiggarantixxi li din tibqa’ hekk anke mat-tmexxija futura tal-Korp. F’dan l-isfond jifirħu lill-Assistant Kummissarju Lawrence Cutajar għall-ħatra tiegħu ta’ Aġent Kummissarju tal-Pulizija u jawgurawlu ħidma fejjieda għall-ġid tal-membri tal-Korp tal-Pulizija. Mill-ġdid il-GWU u l-POU jirringrazzjaw lill-eks kummissarju Cassar għall-ħidma tiegħu fiż-żmien li dam imexxi l-Korp tal-Pulizija.