TOP


GWU

 

Inħarsu lill-ħaddiema minn mard kanċeroġinu marbut mad-dinja tax-xogħol



28042016

Il-General Workers’ Union tingħaqad mal-moviment trejdunjonista Ewropew u filwaqt li llum tiftakar f’dawk il-ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol u waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, flimkien mat-trejdunjins Ewropej titlob għad-dħul fis-seħħ ta’ liġijiet u direttivi li jħarsu lill-ħaddiema minn mard kanċeroġinu marbut mad-dinja tax-xogħol. 

Wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tintroduċi liġijiet u regolamenti ġodda li jillimitaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għal sustanzi li jikkawżaw il-mard tal-kanċer. Minkejja li studji mediċi juru li t-teknoloġiji u l-innovazzjoni ħolqu aktar riskji għall-ħaddiema f’dak li huwa mard relatat mal-kanċer, l-Unjoni Ewropea ilha aktar minn 12-il sena tgħarbel direttiva marbuta ma’ dan il-qasam u sa issa ma sar xejn. 

Għaldaqstant il-GWU tħoss li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea flimkien mal-imsieħba soċjali jagħrfu r-riskji ġodda għas-saħħa tal-ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol u jaħdmu biex ikunu introdotti liġijiet li jħarsu dan. Fl-istess waqt il-GWU titlob li barra li jkun hemm aktar infurzar f’pajjiżna tar-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà billi anke jiżdiedu r-riżorsi meħtieġa, għandu jsir ukoll kull sforz biex jiżdied l-għarfien dwar dawn l-istess regolamenti fost il-ħaddiema.