TOP


GWU

 

Il-GWU tikkundanna l-attakk tad-deputat Marlene Farrugia



19042016

Il-General Workers’ Union tikkundanna bil-qawwa kollha l-attakk li għamlet id-deputat parlamentari indipendenti Marlene Farrugia meta fid-diskors parlamentari tal-bieraħ tat l-impressjoni li l-Union b’xi mod naqset minn dmirha lejn l-ħaddiema tal-Enemalta. Id-diskors u l-allegazzjonijiet magħmula mid-deputat indipendenti Farrugia juru biċ-ċar li din qagħdet biss fuq informazzjoni li kellha minn għand terzi persuni jew fuq dak li qrat minn fuq ġurnal ippublikat it-Tnejn. Li kieku d-deputat indipendenti Farrugia kellha veru għall-qalba l-interess tal-ħaddiema, kellha kull opportunità li tavviċina lill-GWU u titlob informazzjoni dwar x’seħħ fil-proċess ta’ ristrutturar tal-Enemalta. Dan id-deputat indipendenti Farrugia ma għamlitux u qagħdet biss fuq assunzjonijiet maħluqa minnha.

Il-GWU tinforma lid-deputat indipendenti Farrugia li fil-proċess ta’ ristrutturar fl-Enemalta l-GWU, bħala l-union rikonoxxuta mill-maġġoranza assoluta, ħadet ħsieb biex il-ħaddiema li kienu se jiġu affetwati mir-ristrutturata mhux biss ma jitilfux l-impjieg tagħhom, iżda ukoll ma jkollhomx tnaqqis fid-dħul tagħhom. Dan ifisser li filwaqt li l-ħaddiema setgħet inbidlitilhom in-natura tax-xogħol tagħhom, ma tilfu xejn mill-kundizzjonijiet finanzjarji li kienu jgawdu bħala impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta. 

Il-GWU tinforma lid-deputat indipendenti Farrugia li l-proċess li sar fir-risrutturar tal-Enemalta, kien ibażat fuq żewġ kriterji: dik li l-ħaddiema ma jitilfux l-impjieg u dik li jżommu l-livell ta’ għajxien tagħhom. Fil-passat il-ħaddiem dejjem spiċċa jingħata somma flus u jintemlu l-impjieg. 

Għaldaqstant il-GWU titlob lid-deputat indipendenti Farrugia, kif ukoll lil kull deputat parlamentari ieħor, biex jekk verament iridu jitkellmu u jiddefendu l-interessi tal-ħaddiema jinformaw ruħhom sew dwar dak li jkunu se jitkellmu dwaru. Il-GWU dejjem kellha l-bibien tagħha miftuħa għal kull min ried jiddiskuti u jistħarreġ dwar il-ħtiġiet tal-ħaddiema. Biss mhi se taċċetta qatt li bħala l-GWU kif ukoll il-ħaddiema li hija tirrappreżenta jkunu użati f’attakki insensati maħsuba biss għal gwadan ta’ xi vantaġġ politiku partiġġan.