TOP


GWU

 

Il-GWU tikkundanna l-agressjoni fuq Gwardjana Lokali



12042016

Il-General Workers’ Union, fid-dawl tal-aħħar każ li fih Gwardjana Lokali sfat aggreditita, filwaqt li tikkundanna kull att ta’ vjolenza, titlob li dawn il-ħaddiema jingħataw kull tip ta’ protezzjoni possibli. Mill-ġdid kif diġà għamlet fix-xhur li għaddew tesiġi li bħal ma jiġri f’oqsma oħra ta’ infurzar il-Gwardjani Lokali għandhom jaħdmu f’pari. 

It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU filwaqt li tesprimi s-solidarjetà tagħha mal-Gwardjana Lokali ma tista’ qatt u fl-ebda ċirkostanza taċċetta li ħaddiema, speċjalment uffiċjali pubbliċi, ikunu aggrediti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-każ, li seħħ ġewwa Tas-Sliema, huwa turija li għandha tingħata aktar attenzjoni fuq il-perikli u diffikultajiet li jgħaddu minnhom il-Gwardjani Lokali. 

Il-GWU tirringrazzja wkoll lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija għal ħidma immedjata li wettqu biex min kien responsabbli minn dan l-attakk jirrispondi għal għemilu.